Kienet tmiem il-ġimgħa differenti minn tas-soltu għal dawk li jsegwu l-futbol Ingliż minn stazzjonijiet tal-BBC, hekk kif is-Sibt u l-Ħadd, numru ta’ ħaddiema fosthom persuni tekniċi u preżentaturi rrifjutaw milli jgħinu u jaħdmu l-programmi sportivi u saħansitra anke kummentarju waqt il-logħob.
Dan minħabba kontroversja marbuta mill-eks player u preżentatur Gary Lineker, li tkeċċa minn xogħolu wara li fuq Twitter, qabbel il-mod ta’ kif il-gvern Brittaniku tkellem dwar immigranti ma’ kif kien jitkellem il-gvern Nazzist.
Minħabba dawn il-kummenti, il-BBC issospenda lil Lineker, hekk kif skonthom, ma kienx qed ikun imparzjali.
Dan wassal sabiex fi tmiem il-ġimgħa ttieħdet azzjoni mill-ħaddiema tal-programm ‘Match of the Day’, hekk kif minflok programm ta’ diskussjoni fuq il-logħob tal-Premier League, intwera biss filmat tal-partita mingħajr ebda kummentarju.
Din il-kontroversja spiċċat fuq quddiem tal-maġġoranza tal-ġurnali Ingliżi tal-Ħadd, u apparti minn hekk, numru ta’ ħaddiema fi ħdan il-BBC tkellmu ma’ gazzetti lokali, fejn stqarru li hemm kaos sħiħ fil-BBC, minħabba li numru kbir ta’ ħaddiema qed jappoġġjaw lil Lineker.
Il-Ħadd, Lineker ma ta ebda kumment lill-ġurnalisti dwar il-futur tal-karriera tiegħu, u d-Direttur Ġenerali tal-BBC stqarr li hemm ħidma intensiva sabiex il-ħsara li saret tiġi indirizzata.