Il-bażi tal-prosperità tagħna hija l-paċi. Dan kien il-messaġġ tal-Prim Ministru Robert Abela waqt diskussjoni bit-tema ‘Ħelsien – Il-Ġid għall-Maltin’ mtella’ mill-Partit Laburista fl-Imtarfa.
Il-Prim Ministru fetaħ id-diskors tiegħu jitkellem dwar kif id-data tal-31 ta’ Marzu 1979, hija d-data tal-ħelsien ekonomiku u soċjali ta’ pajjiżna.
Fakkar kif wara din id-data, pajjiżna kien destinat għal futur ekonomiku dgħajjef skont numru konsiderevoli ta’ rapporti li saru dwar pajjiżna.
Kien hawn li Dr Abela spjega għaliex dan ma kienx il-każ.
“Nemmen li d-deċiżjoni kuraġġjuża tal-Perit Duminku Mintoff, li ma jibżax mill-isfida li niksbu l-ħelsien ekonomiku, kienet l-aktar deċiżjoni importanti li qatt ħa mexxej politiku ġewwa pajjiżna.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-valuri tal-paċi u n-newtralità, kienu dawk il-valuri li wasslu biex mill-Ħelsien ‘l hawn pajjiżna jimraħ ekonomikament biex illum il-ġurnata l-isfidi tal-qgħad u dejn nazzjonali għoli, fost l-oħrajn, huma sfidi tal-passat.
Dr Abela saħaq kif il-Gvern tal-lum qiegħed jibni fuq il-ħsieb ta’ Gvernijiet Laburisti preċedenti, dak li l-ewwel prijorità tiegħu tkun il-finanzi tal-familji u l-fatt li l-Gvern qiegħed hemm biex iservi ta’ tarka għalihom.
Hawn elenka l-aħbarijiet pożittivi fl-aħħar xhur dwar l-ekonomija ta’ pajjiżna bħall-aħħar rating ta’ A+ mill-aġenzija ta’ kreditu Fitch, ma’ dak li qed iħabbtu wiċċhom miegħu pajjiżi oħra.
“Għaliex ħaddieħor farraka litteralment l-ekonomija tiegħu u farrkuha għaliex adottaw il-politika tal-awsterità u b’konsegwenza spiċċaw farrku l-finanzi tal-Gvern għax spiċċaw mingħajr dħul. Ara aħna x-xokk internazzjonali erfajnieh kollu kemm hu aħna, bħala Gvern, u l-finanzi tal-Gvern sejrin dejjem għall-aħjar għaliex id-dħul tal-Gvern spara u tela’ ‘l fuq.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
B’differenza għall-politika li qegħdin jimbuttaw il-Partit Nazzjonalista u dawk qrib tiegħu, b’investiment fl-armamenti, il-Mexxej Laburista sostna kif dan jista’ jfisser biss nuqqas ta’ investiment f’oqsma oħra bħall-edukazzjoni. Kien għalhekk li fl-aħħar jiem fi Brussell, Dr Abela, kompla jaħdem biex jassigura l-garanziji li aħna niddeċiedu kif ninvestu flusna, waqt li jirriflettu il-paċi u li jissalvagwardjaw n-newtralità, biex fost l-oħrajn ikun issalvagwardjat il-ħelsien ekonomiku ta’ pajjiżna.
Il-Prim Ministru għalaq id-diskors tiegħu jinnota li s-suċċess ta’ pajjiżna jista’ biss ikompli jekk dan jibqa’ newtrali u ħieles.
“Nibnu ekonomija tal-futur li toħloq kwalità tal-ħajja dejjem aħjar għall-familji tagħna li ntellqu prosperità ġdida fejn ikollna mhux impiegi imma karrieri ta’ kwalità, fejn il-progress ekonomiku jiġi mill-adozzjoni ta’ teknoloġiji jagħmlu tajjeb għall-ambjent. Fejn Malta tibqa’ leader fis-setturi diġitali u toħloq dejjem aktar niċeċ ekonomiċi ġodda ħalli l-ekonomija tagħna tkun fonti ta’ ġid għall-familji Maltin u Għawdxin kollha. Nemmen li jekk nibqgħu nemmnu f’Malta ħielsa dan kollu huwa possibbli.”
Il-Prim Ministru Robert Abela