Is-Segretarju tal-Istat Amerikan Anthony Blinken qal li l-battalja għall-kapitali Ukrena Kiev intrebħet. Tenna dan f’messaġġ miktub fuq il-midja soċjali wara li hu flimkien mas-Segretarju għad-Difiża Amerikan, Llyod Austin, żaru Kiev.
Blinken iddiskriva dak li ra fit-toroq ta’ Kiev bħala evidenza li l-battalja hija mirbuħa fil-kapitali Ukrena; iżda, żied jgħid li dan huwa kuntrast kbir għal dak li qed jiġri fil-Lvant tal-pajjiż, hekk kif il-forzi Russi qed ikomplu jwettqu l-atroċitajiet.
Ilbieraħ, il-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelensky faħħar it-taħditiet li kellu ma’ Blinken u Austin, u qal li kienu inkoraġġanti u effettivi. Intant, ħabbar ukoll li l-Amerika se tkun qed toffri appoġġ b’saħħtu lil pajjiżu.