Membri tal-ekwipaġġ li kienu jinsabu fuq il-bastiment Golfo Azzuro, li jinsab maqbud barra mill-Kosta Maltija, ġew Malta biex qabdu t-triq lura pajjiżhom.
Dan fi żvilupp li kien hemm fl-aħħar minuti wara li l-ħaddiema spiċċalhom il-perjodu tax-xogħol u għalhekk intbagtet dgħajsa privata għalihom. Din ġabithom Malta u minn hawn qabdu r-rotta fid-destinazzjoni tagħhom bl-ajruplan. Ladarba waslu Malta kienu ċċekjati mill-uffiċjali tal-immigrazzjoni u qabdu t-triq lejn fejn riedu jmorru. Sa hawn qed nitkellmu fuq ħaddiema li l-wasla tagħhom f’Malta saret b’mod legali, filwaqt li l-immigranti għadhom fuq il-bastiment.
Il-każ tal-Golfo Azzuro beda jiżviluppa dalgħodu wara li d-dgħajsa f’territorju Taljan ma tħallietx tidħol Lampedusa. Dan hekk kif l-Italja qed tirrifjuta li jidħlu.
Minn informazzjoni miksuba minn One News jidher li Malta mhux qed taċċetta li ġġib lill-immigranti f’Malta hekk kif dawn ma segwewx ir-regolamenti internazzjonali.
Huma jinsabu aktar viċin ir-reġjun ta’ tiftix u salvataġġ ta’ Lampedusa u mhux dak ta’ Malta. L-operazzjoni kienet qed tiġi kkordinata mill-Italja.