Il-bastiment ‘MV Ruby’, li qed iġorr fuqu madwar għoxrin elf tunellata ta’ nitrat tal-ammonju, wasal viċin il-Kanal Ingliż wara li diġà ġie rrifjutat minn għadd ta’ pajjiżi.
Il-vapur irreġistrat f’Malta telaq mir-Russja ftit aktar minn xahar ilu u ma ngħatax il-permess jidħol f’numru ta’ portijiet, fosthom fid-Danimarka, biex jissewwa.
Fil-bidu ta’ Settembru, appenna daħal fin-Norveġja, instab li l-‘MV Ruby’ kien qed iġorr is-sustanza perikoluża użata kemm fil-missili kif ukoll fil-pestiċidi, fost oħrajn, u, jekk din tkun esposta għan-nar jew sħana kbira, kapaċi toħloq splużjonijiet enormi.
Hu stmat li l-ammont ta’ nitrat tal-ammonju li qed iġorr hu seba’ darbiet akbar minn dak li kkawża t-traġedja kbira fil-port ta’ Bejrut, fil-Libanu, erba’ snin ilu fejn tilfu ħajjithom mal-mitejn u għoxrin persuna.
Malta wkoll ħabbret li mhux se tippermetti li dan jidħol fil-portijiet lokali, sakemm ma jitbattalx mit-tagħbija perikoluża li għandu.