Il-bastiment tal-merkanzija Ever Given inqala’ minn postu wara li l-ġimgħa l-oħra nkalja u mblokka l-kanal ta’ Swejż.
Rapporti qed jgħidu li l-vapur bil-kontejners fuqu, twil mal-erba’ mitt metru, issa nqala’ minn postu.
Dan il-każ wassal biex mal-għaxar biljun dollaru f’merkanzija kienet qed tiġi mblukkata kuljum u anki Malta ntlaqtet hekk kif ċertu tagħbija li kellha tasal fil-Port Ħieles baqgħet ma waslitx.
Bastimenti oħrajn kellhom idawwru r-rotta u jtawwlu ż-żmien biex jaslu billi daru mal-kontinent Afrikan biex jaslu fil-baħar Mediterran jew f’portijiet oħra fit-Tramuntana tal-Ewropa.
Jidher li bħala parti mill-operazzjoni biex il-vapur jinqala’ minn postu, uffiċjali tal-Kanal ħattew parti mill-kontejners li kienu abbord il-bastiment inkaljat.
B’hekk dan ħfief u kienet iżjed faċli biex dan il-bastiment jinqala’ u ma jibqax jimblokka l-Kanal li jgħaqqad il-Baħar l-Aħmar mal-Mediterran.