“Il-bastiment Conscience se jkun irmunkat lejn port f’pajjiż fil-Mediterran ieħor.”
Hekk saħaq id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg, f’kitba fuq il-midja soċjali tiegħu.
Dan wara li fi 2 ta’ Mejju li għadda dan il-bastiment, li kien qed jikkampanja kontra l-għeluq tal-Medda ta’ Gaza fil-konflitt f’Lvant Nofsani, spiċċa f’diffikultajiet ’il barra mill-ibħra territorjali Maltin minħabba nirien li ħakmu l-poppa tiegħu.
Intant, il-Gvern Malti kien qabbad surveyor marittimu biex jitla’ fuq il-bastiment. Mill-istħarriġ, li wettaq dan is-surveyor, instab li l-bastiment kellu ħsarat ta’ tiswijiet minuri biex il-bastiment seta jkompli jopera.
Il-Ministru Borg tenna jgħid li bl-għajnuna tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tat-Turkija u l-Ambaxxata Torka f’Malta, tnax-il persuna li jifformaw l-ekwipaġġ se jidħlu f’Malta biex immedjatament jaqbdu vjaġġ bl-ajru lura lejn pajjiżhom.