Bdiet ħidma sabiex il-guva tal-barbaġanni fil-Buskett li ġiet ivandalizzata minn persuna li għadha mhux identifikata, titranġa u jkollha aktar sigurtà.
Ambjent Malta ser tkun qed isservi ta’ spalla għal dan il-proġett u tiffinanzja dan ix-xogħol li fost l-oħrajn se jiżdiedu kameras tas-sigurtà, allarms u anke ħadid biex ħadd ma jkun jista’ jaċċessaha minn barra.
Ma’ dan l-istazzjon Lucas Micallef mill-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti, l-FKNK qal li peress li l-barbaġann huwa speċi sensittiv, dan il-każ ħalla effett fuq il-barbaġanni l-oħra saħansitra li m’għadhomx jieklu daqs is-soltu.
Huwa spjegalna: “Sibna post biex temporarjament nitrasifirxxu l-għasafar li baqa’ għaliex ovvjament lanqas qegħdin jieklu qegħdin stressjati ħafna u ovvajememt din trawma għalihom u ħa neħduhom f’faċilità tal-Gvern u qed nirranġaw xi ħsara li saret.”
Dan l-att vandalu seħħ ftit tal-jiem wara li l-FKNK flimkien mal-Gvern niedew fażi importanti fi proġett li qed jara li ssir il-konservazzjoni ta’ dan l-ispeċi.
Intant Micallef saħaq li bħalissa għadhom jiġbru l-informazzjoni u filmati mill-kameras tas-sigurtà u filwaqt li appella għal koperazzjoni kollha min-naħa tal-pubbliku qal li għandhom fiduċja kbira li fil-jiem li ġej jinqabad min wettaq dan l-att vandalu.
Micallef sostna: “Bqajna niġbru diversi filmati mill-madwar biex kemm jista’ jkun nikkolaboraw mal-Pulizija u bqajna f’kuntatt kontinwu mal-Pulizija u tajnihom l-informazzjoni kollha li kellna u nisperaw li jekk kien hemm xi ħadd għandu informazzjoni jgħaddihielna.”
Kif wera l-filmat, raġel li kellu wiċċu fi flokk, daħal minn ġo xibka li hemm fuq nett tal-guva u ħa żewġ barbaġġani.