Il-Barbaġann se jerġa’ jsib postu fil-pajsaġġ Malti wara li fit-tmeninijiet kien inqata’.
Dan qed isir hekk kif il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti, l-FKNK għaddejja b’konservazzjoni ta’ dan l-ispeċi.
Dan tħabbar waqt żjara li għamel il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia fir-Razzett tal-Bagħal fil-Buskett, fejn qed issir il-konservazzjoni ta’ din l-ispeċi.
L-uffiċjal tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti Lucas Micallef qal ma’ ONE News li dan il-proċess ta’ konservazzjoni jsir permezz ta’ moniteraġġ tal-kameras ġewwa l-guvi li qegħdin fihom.
Wara erbgħin ġurnata l-barbaġann joħroġ ġo kaxxa apposta fejn ikun jista jara l-madwar u imbagħad ħmistax wara l-barbaġann jittajjar u jibda jesplora l-abitat tal-madwar. Wara ftit, meta l-uffiċjali tal-FKNK jibdew jaraw li l-barbaġann huwa indipendenti u qabad jikkaċċja waħdu, hemmhekk jitwaqqaf il-moniteraġġ.
Micallef qal, “Il-proċess li qed nużaw huwa wieħed użat fil-falkunerija biex il-Barbaġann jitgħallem jikkaċċja waħdu fis-salvaġġ. Il-Buskett huwa l-ewwel post li qed nibdew il-proġett fih. Jekk Alla jrid ħa ssir estenzjoni tal-proġett anke f’postijiet urbani, kif ukoll f’postijiet bħal fejn hemm is-swar u rdumijiet madwar Malta.”
Il-Ministru Farrugia qal li l-konservazzjoni ambjentali u l-protezzjoni tal-biodiversità huma żewg pilastri importanti ta’ ekosistema li taħseb għall-futur.
Waqt din iż-żjara inqtal kif l-FKNK ukoll irnexxiela tiżra elfejn u ħames mitt żerriegħa f’kontenituri żgħar ta’ pjanti indiġeni u li jistgħu jerġgħu jintużaw. Dwar dan il-Ministru Aaron Farrugia qal li permezz ta’ dawn l-inzijattivi se tissaħħaħ il-biodiversità f’pajjiżna.
“Qegħdin jaraw li jkabbru x-xtieli u siġar li huma indiġeni għall-pajjiżna, jiġifieri flimkien ma’ għaqdiet oħra jkabbru dawn is-siġar biex siġar indiġeni jinbidlu ma’ oħrajn li mhumiex indiġeni u allura jagħmlu ħsara lill-pajsaġġ Malti u Għawdxi. Dan jgħinha biex il-biodiversità tal-pajjiż mhux biss insaħħuha, imma nkomplu nissalvagwardjawha.” Temm jgħid il-Ministru Farrugia.