Il-proġett tal-barbaġann daħal fl-aħħar fażi tiegħu hekk kif numru ta’ frieħ tal-barbaġann bdew il-proċess biex jinħarġu fis-selvaġġ.
Dan tħabbar fir-Razzett tal-Bagħal fil-Buskett fejn ġie ffirmat ukoll ftehim biex il-qbil dwar l-immaniġġjar ta’ dan ir-razzett jiġi estiż u jibqa’ jiġi amministrat mill-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti.
Preżenti għall-iffirmar ta’ dan il-ftehim kien hemm il-Ministru għall-Ambjent, Aaron Farrugia, li spjega kif l-iskop ta’ dan il-proġett huwa li l-barbaġann jerġa’ jiġi introdott fl-ambjent f’Malta u f’Għawdex.
Il-Ministru Farrugia stqarr, “Il-konservazzjoni tal-ambjent naturali Malti u l-preservazzjoni tal-bijodiversità huma l-ikbar żewġ pilastri fl-ekosistema ta’ pajjiżna. Kien għalhekk li appoġġjajna mill-bidu nett dal-proġett tal-FKNK li ħadmu fuqu biex b’hekk issa ninsabu fil-fażi finali li jiġi rilaxxat il-barbaġann fil-miftuħ u fis-selvaġġ biex jitgawda minn kulħadd.”
Il-President tal-FKNK, Lucas Micallef qal li dan m’huwiex l-uniku proġett ta’ konservazzjoni li qed taħdem fuqu din l-għaqda.
Micallef irrimarka, “Fost proġetti ta’ konservazzjoni li għandna, għandna l-mixtla ta’ siġar u arbuxelli indiġeni kif ukoll ġie mniedi proġett ta’ bird feeders fil-ġonna tal-Buskett biex inkunu nistgħu anke nosservaw l-għasafar li jpassu u anke li huma residenti fil-ġonna tal-Buskett, fejn żgur ħa jkun xi ħaġa interessanti għan-nies li jżuru l-ġonna tal-Buskett.”