Qegħdin jiġu nies, però mhux biżżejjed.
Dan saħqu d-Direttur tal-Bank tad-Demm Dr Alex Aquilina, li spjega kif il-ġimgħa li għaddiet, kien hemm iktar minn mitt borża inqas ta’ demm minn dak li kien hemm bżonn.
It-trasfużjonijiet setgħu jsiru xorta peress li fl-aħħar ġimgħat, f’Mater Dei ma kinux qed isiru operazzjonijiet mhux urġenti, u għalhekk l-użu tad-demm naqas ħafna u kien hemm riżerva tajba.
Mistoqsi x’jiġri jekk is-sitwazzjoni tibqa’ kif inhi, Dr Aquilina kien skjett.
Huwa spjega: “Jekk il-ġimgħa d-dieħla u din il-ġimgħa jerġa’ jiġri l-istess, ħa niġu f’sitwazzjoni pjuttost kritika. Għalfejn kritika? Għax hemm pazjenti li għandhom bżonn id-demm, kien hemm pazjenti li ma ħadux id-demm f’dak il-perjodu meta kien kritiku Mater Dei imma dawn ma jistgħux jibqgħu mingħajr demm.”
Lil min jibża’ jmur jagħti d-demm minħabba l-pandemija tal-Coronavirus, Dr Aquilina fakkru fil-prinċipju bażiku: li fil-Bank tad-Demm imorru biss nies b’saħħithom.
Qal ukoll li qed jittieħdu ċertu miżuri ta’ prekawzjoni, bħat-teħid tat-temperatura u l-ħasil tal-idejn bl-alkoħol.
Għaldaqstant appella biex kull min hu f’saħħtu, imur jagħti d-demm, għaliex is-sitwazzjoni preżenti tista’ tħalli riperkussjonijiet koroh ħafna.
Dr Aquilina sostna: “Dak li jgħidulu l-worst case scenario, l-agħar li jista’ jiġri, li jkun hemm xi inċident – xi ħadd li jkollu bżonn ħafna demm f’daqqa u ma jkunx hemm demm, f’dak il-każ il-persuna tmut jiġifieri jekk xi ħadd jitlef ħafna demm f’daqqa, u kellna inċident riċenti fejn persuna waħda ħa ħafna demm u mnalla kellna stock tajjeb ta’ demm – din ġrat il-ġimgħa l-oħra.”
Fakkar ukoll li hemm bosta operazzjonijiet li, biex isiru, jeħtieġu d-demm.
U hekk kif kien qed jgħaddi dan l-appell it-tabib Aquilina, iltqajna ma’ Joanne Sammut – li kienet qed tagħti d-demm għall-15-il darba.
Hija stqarret: “Fid-dinja qatt ma tista’ tkun taf x’ħa tiġi bżonn u naf li jekk jiena b’saħħti bħalissa, għaliex m’għandix ngħin lil ħaddieħor? Jekk tibża’ mil-labra, ħares in-naħa l-oħra, in-nurses t’hawnhekk huma taz-zokkor, u m’hemm xejn ta’ biża’ jew li tweġġa’.”