Meta ħabbar ir-riżultati finanzjarji għall-perjodu bejn Jannar u Settembru tal-2022, il-Grupp Bank of Valletta rrapporta tkabbir kontinwu fl-attivitajiet bankarji ewlenin tiegħu, bid-dħul ewlieni juri riżultati kummerċjali mtejba.
Eskluż l-effett tal-ħlas relatat mal-każ tad-Deiulemar f’Mejju ta’ din is-sena, il-profitt matul l-ewwel disa’ xhur tas-sena kien jammonta għal €47.8 miljun, żieda ta’ 3% meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena l-oħra. Madankollu, kaġun tal-każ tad-Deiulemar, il-Bank spiċċa rrapporta telf qabel it-taxxa li jammonta għal €55.7 miljun.
F’dan il-każ tad-Deiulemar, fl-2014 l-amministratur tal-grupp Deiulemar fetaħ kawża kontra l-Bank of Valletta fl-interess ta’ 13,000 resident tal-lokalità ta’ Torre Annunziata, li tilfu flushom meta falla l-grupp li kellu investiment f’fond tal-Bank of Valletta.
Id-dħul tal-BOV għall-ewwel disa’ xhur tal-2022 kien ta’ €202.3 miljun. Dan juri titjib ta’ 16.8%, li jirrifletti ż-żieda fir-rati tal-imgħax taż-Żona tal-Ewro flimkien ma’ żieda fil-volumi fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, partikolarment fis-self għad-djar, kards, u pagamenti.
L-ispejjeż operattivi żdiedu b’madwar 6.7% meta mqabbla mal-istess perjodu fl-2021.
Iċ-Chairman tal-BOV, Gordon Cordina, stqarr li dawn ir-riżultati qed ikomplu juru l-progress tal-Bank, biż-żieda fid-dħul xhieda tal-isforz li qed isir biex il-Grupp ikompli jitmexxa fit-triq it-tajba.
Meta rrifletta irrifletta fuq l-iżviluppi ekonomiċi lokali, Dr Cordina stqarr li “fl-aħħar tliet xhur, l-ekonomija Maltija reġgħet kisbet momentum ekonomiku pożittiv, ikkaratterizzat minn tkabbir qawwi tal-Prodott Gross Domestiku reali, li ġab ir-rata tal-qgħad għal livelli storikament baxxi. L-irkupru fit-turiżmu, li kien l-aktar settur milqut matul il-pandemija tal-COVID-19, ukoll miexi tajjeb din is-sena. Madankollu, ġie esperjenzat xokk ekonomiku globali kbir ieħor, li hija ż-żieda fl-inflazzjoni.
Dan ix-xokk laqat lill-pajjiż f’dawn l-aħħar xhur, iżda l-impatt tiegħu ġie parzjalment imtaffi permezz tad-deċiżjoni tal-Gvern li jżomm stabbli l-prezzijiet tal-enerġija, u dan minkejja ż-żidiet qawwija fil-prezzijiet barra minn xtutna kkawżati mill-gwerra fl-Ukrajna. Il-Gvern investa aktar fondi biex ikompli jerfa’ l-ispiża tal-enerġija biex isostni l-familji u n-negozjif’Malta.”