Il-Bank of Valletta estenda l-appoġġ tiegħu għas-servizz tal-Fondazzjoni Karl Vella “Because You Matter, because We Care”, inizjattiva vitali ddedikata biex tipprovdi appoġġ psikoterapewtiku lill-pazjenti, lil dawk li jieħdu ħsiebhom, u lill-familji tagħhom, li jeħtieġu kura speċjalizzata lil hinn minn xtutna.
Il-Fondazzjoni Karl Vella (KVF) hija xempju ta’ tama għal ħafna familji, billi toffri ambjent fejn individwi jistgħu jsibu serħan, appartenenza, u fehim fost sħabhom li jaqsmu esperjenzi simili. Is-servizz “Because You Matter, because We Care” huwa xhieda tal-impenn tal-KVF li jgħin individwi biex jifhmu l-emozzjonijiet tagħhom, jibnu r-reżiljenza, u jerġgħu jiksbu sens ta’ stabbiltà.
Ernest Agius, Chief Operations Officer fil-Bank of Valletta ltaqa’ ma’ Claire Chircop, Chairperson tal-Fondazzjoni Karl Vella fl-uffiċċji tagħhom fi ħdan il-President’s Kitchen Garden.
“Il-Bank of Valletta emmen f’dan il-proġett sa mill-bidu tiegħu u aħna onorati li nkomplu nappoġġaw il-ħidma tal-Fondazzjoni Karl Vella permezz tas-servizz ‘Because You Matter, ecause we Care,” qal is-Sur Agius. “Fil-BOV, nemmnu fl-importanza tas-saħħa mentali u l-qawwa tal-appoġġ komunitarju, speċjalment fi żminijiet fejn in-nies huma l-aktar vulnerabbli, u dan jallinja perfettament mal-impenn tal-Bank li jrawwem soċjetà aktar b’saħħitha u reżiljenti.”
“L-appoġġ tal-BOV se jippermetti lill-Fondazzjoni tkompli toffri u ssaħħaħ is-servizzi tagħha, u tiżgura li aktar familji jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-konsulenza u mill-programmi edukattivi apposta offruti mill-KVF,” qalet is-Sinjura Chircop. ‘Mindu tnieda dan is-servizz, ‘l fuq minn 430 pazjent ibbenefikaw minnu, u din iċ-ċifra tinkludi ‘l fuq minn 60 tifel u tifla. Il-Fondazzjoni kompliet tinvesti fil-ħiliet u l-kompetenza tan-nies tagħha biex tiżgura li tibqa tagħmel differenza pożittiva akbar fil-ħajja tan-nies li jagħmlu użu mis-servizzi tagħħa.”
Din il-kollaborazzjoni bejn il-Bank of Valletta u l-Fondazzjoni Karl Vella tenfasizza d-dedikazzjoni taż-żewġ organizzazzjonijiet biex jagħmlu impatt pożittiv fil-komunità u jappoġġjaw inizjattivi li jippromwovu s-saħħa u l-benessri mentali.
