Il-Bank of Valletta qed jalloka fond ta’ €10 miljun biex jgħin lin-negozji affettwati mit-tixrid tal-Coronavirus.
Il-fond mistenni jipprovdi kapital dirett lil negozji li jiffaċċjaw problemi ta’ likwidità.
Il-Kap tad-Dipartiment tal-Kreditu tal-Bank, is-Sur Alfred Frendo spjega: “Din l-10 miljun fond huwa propju qiegħed magħmul biex jgħin il-klijenti ż-żgħar u medji naturalment, intuhom dak il-working capital li għandhom bżonn biex naturalment iħallsu l-ħaddiema tagħhom, jiffinanzjaw l-istocks li kellhom u naturalment spejjeż oħra li jridu jmantnu bit-tama li din il-problema tgħaddi fix-xhur li ġejjin.”
It-termini għall-provvediment tal-kapital dirett huwa għal perjodu ta’ 6 xhur b’rata ta’ imgħax ta’ 3.5% li jista’ jitħallas lura fuq sena u t-tneħħija tal-ispejjeż relatati ma’ dan is-servizz.
Filwaqt li l-bank spjega li l-ammont għal kull klijent ma jistax jaqbeż in-nofs miljun ewro, kull każ se jiġi analizzat fuq il-merti individwali tiegħu.
Is-Sur Frendo kompla jispjega: “Jispjegaw naturalment is-sitwazzjoni tagħhom u naturalment issir ir-rikjesta u naturalment nipproċessawha malajr kemm jista’ jkun, naturalment biex naqdu l-klijenti tagħna.”
Intant il-bank ħabbar ukoll it-twaqqif temporanju tal-pagamenti tal-kapital għal bejn 3 xhur u 12-il xahar u servizzi ta’ finanzjament tal-kummerċ permezz tal-Internet Banking mingħajr spejjeż addizzjonali.
Il-Bank of Valletta qal li qed isegwi s-sitwazzjoni fuq bażi kontinwa b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Gvern u l-awtoritajiet tas-saħħa u se jkun qed jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex il-Bank ikompli jappoġġja l-komunità tan-negozju.