Fl-2024, il-Bank Malti għall-Iżvilupp, l-MDB, għamel profitt ta’ €4.2 miljun. Dan ħareġ mill-preżentazzjoni tar-rapport annwali tal-bank fejn intqal ukoll li, fid-dawl tat-tnedija tal-Viżjoni Malta 2050 mill-Gvern, l-MDB qed ifittex li jkompli jkun forza għall-progress f’ambjent dejjem aktar kumpless.
Ir-rapport isegwi l-profitt ta’ €3.2 miljun fl-2023 li wkoll ippermettta lill-bank biex jifdi l-ispejjeż kollha, inkluż dawk b’rabta mal-pandemija, filwaqt li żamm dispożizzjonijiet b’saħħithom f’każ li jkun hemm xi self li ma jitħallasx lura.
Ġie spjegat kif, fl-2024, l-MDB estenda ż-żewġ programmi ta’ finanzjament ewlenin tiegħu, l-SME Guarantee Scheme u l-Guaranteed Co-Lending Scheme, biex saħħaħ l-appoġġ tiegħu għat-tkabbir u l-investiment.
Sadanittant, fil-ġimgħat li ġejjin, il-bank se jespandi aktar il-prodotti tiegħu bit-tnedija ta’ żewġ inizjattivi ġodda, waħda mmirata għall-investiment fi proġetti sostenibbli u l-oħra ddedikata għall-appoġġ fis-setturi kulturali u kreattivi li qed jikbru maż-żmien.
Iċ-Chairman tal-MDB, Leo Brincat, tenna li t-triq għall-futur titlob bidla fid-direzzjoni lejn investiment strateġiku u li jallinja mal-parametri tal-Viżjoni Malta 2050.
“Fiż-żminijiet tal-lum, speċjalment meta għandna quddiemna l-Vision 2050 tal-Gvern, li jidher se tkun kristalizzata fix-xahar ta’ Settembru, nixtiequ kemm jista’ jkun li l-policies tagħna jiġu allineati kemm jista’ jkun mal-iskop nazzjonali ta’ din il-vision ħalli aħna nkunu qed ngħinu safejn nistgħu fit-trasformazzjoni eknomika ta’ pajjiżna u kif? Bi tliet sfidi ewlenin. Billi naddattaw is-sistemi tagħna, inkunu parti mill-proċess ta’ trasformazzjoni u l-iktar punt importanti, għax ħafna drabi l-iskemi tagħna n-nies ma jifhmuhomx. Billi nissimplifikaw il-proċessi tagħna u l-iskemi tagħna, ħalli n-nies hemm barra ikunu jistgħu jifhmuhom.”
Leo Brincat – Chairman MDB
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Finanzi, Clyde Caruana, faħħar il-ħidma tal-Bank Malti għall-Iżvilupp u nnota kif dan qed ikompli jikber b’turija ċara mill-income statement tiegħu.
Qal li l-fatt li l-bank hu finanzjarjament b’saħħtu, dan jippermettilu li jidħol għal numru ta’ proġetti innovattivi.
