Bħala parti mill-isforzi tiegħu biex itejjeb l-aċċess finanzjarju f’Malta, il-Bank Malti għall-Iżvilupp ġabar flimkien l-imsieħba ewlenin mis-settur bankarju kummerċjali biex isaħħaħ id-djalogu strateġiku u jiddiskuti kif jista’ jżid il-kollaborazzjoni meħtieġa.
Il-laqgħa, li saret fl-uffiċini tal-MDB fil-Floriana, u li kienet immexxija miċ-Chairman tal-Bank, Leo Brincat, u l-Kap Eżekuttiv, Paul V. Azzopardi, iffukat fuq is-sinifikat tal-ħidma kollettiva favur transizzjoni aktar ġusta, lejn inizjattivi ambjentali, u diġitali.
Filwaqt li għaraf il-ħtieġa urġenti ta’ żvilupp ekonomiku sostenibbli f’Malta, is-Sur Brincat enfasizza r-rwol kruċjali tal-banek biex jiffinanzjaw it-transizzjoni lejn ekonomiji ambjentali u diġitali.
Ir-rappreżentanti tal-banek għarfu li l-MDB għandu rwol fl-appoġġ għan-negozji flimkien mal-banek kummerċjali, u mhux f’ kompetizzjoni magħhom.
Id-diskussjonijiet iffukaw fuq kif tista’ titnaqqas il-burokrazija fil-proċess ta’ self b’mod prudenti, l-offerta ta’ prodotti finanzjarji ddiżinjati għal ħtiġijiet speċifiċi, l-użu massimu ta’ garanziji u kif sħubiji kummerċjali jistgħu jnaqqsu xi riskji li jġibu magħhom investimenti sostenibbli.