Klijent minn kull erbgħa tal-bank HSBC, se jintlaqat minn miżata ġdida ta’ ħames ewro fix-xahar għal servizzi bankarji personali, hekk kif l-imsemmi bank se jimxi bil-pjanijiet tiegħu dwar din il-miżata minkejja talbiet mill-Bank Ċentrali ta’ Malta biex jerġa’ jikkunsidraha.
Il-bank ħabbar li se jimxi bil-pjanijiet tiegħu wara konsultazzjonijiet estensivi mal-partijiet interessati, u bir-reviżjoni fil-pjan, ħamsa u sebgħin fil-mija tal-klijenti mhux se jintlaqtu minn din il-miżata.
Il-miżata l-ġdida tħabbret f’Jannar, imma l-pjanijiet biex tiġi introdotta twaqqfu għal ftit wara talbiet mill-Bank Ċentrali u mill-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji biex l-HSBC jerġa’ jikkunsidra l-pjanijiet tiegħu.
Minkejja dan, il-bank qal li din il-miżata hija kruċjali biex tkopri l-ispejjeż tal-operat li jirrikjedi kont bankarju.
Il-bidla se taffettwa lill-klijenti li għandhom inqas minn wieħed u sittin sena li jiddepożitaw inqas minn elfejn u tliet mitt ewro fuq perjodu ta’ tliet xhur.
Klijenti li għandhom wieħed u sittin sena jew iżjed, għandhom jitfgħu minn tal-inqas elf, mitejn u ħamsin ewro kull tliet xhur biex jevitaw li jħallsu l-miżata.
Tfal, studenti u nies li jingħataw benefiċċji marbuta ma’ xi diżabilità, mard jew qgħad, huma eżentati milli jħallsu din il-miżata.
Eżentati wkoll huma l-klijenti li jissellfu mill-bank għad-dar fost oħrajn.
Wara d-diskussjonijiet, ġie maqbul li persuni li ma jikkwalifikawx għal benefiċċju tad-diżabilità mas-sigurtà soċjali u dawk li għandhom impjieg part-time b’pagi li jidħlu fil-kont bankarju tal-HSBC, ukoll se jkunu eżentati milli jħallsu din il-miżata.
Din il-bidla tidħol fis-seħħ f’Ġunju għal dawk li għandhom aktar minn wieħed u sittin sena, u xahar qabel għall-kumplament tal-klijenti.
Il-pjan oriġinali, li kien se jolqot aktar klijenti, ġie rivedut, fost l-oħrajn wara li saret laqgħa mal-Għaqda Pensjonanti tal-General Workers Union li saħqu fuq l-eżenzjoni tal-anzjani u l-pensjonanti minn din il-miżata.
L-Għaqda nnotat li fejn qabel, l-anzjani riedu jagħmlu depożitu ta’ elfejn u tliet mitt ewro kull tliet xhur biex ma jeħlux il-miżata ta’ ħames ewro, issa l-ammont niżel għal elf, mitejn u ħamsin ewro. Dan ifisser li jekk isir depożitu ta’ erba’ mija u sittax-il ewro fix-xahar, li ħafna mill-pensjonijiet huma ogħla minn hekk, se jiġu eżentati milli jħallsu din il-multa.