Is-sena l-oħra l-bank HSBC għamel profitt irrappurtat qabel it-taxxa ta’ kważi sebgħa u għoxrin miljun ewro, b’żieda ta’ kważi sittax-il miljun u nofs ewro jew mija u sebgħa u ħamsin fil-mija aktar mis-sena ta’ qabel.
Meta ppreżenta r-riżultati finanzjarji għas-sena l-oħra, il-bank qal li d-depożiti tal-klijenti żdiedu b’sebgħa fil-mija aktar mis-sena ta’ qabel u dawn kienu jammontaw għal aktar minn ħames t’elef u sitt mitt miljun ewro.
Dan filwaqt lis-self lill-klijenti naqas bi kważi tmienja u sittin miljun ewro.
B’hekk il-pożizzjoni tal-bank f’termini ta’ likwidita’ b’relazzjoni ta’ self għal depożiti hi ta’ sebgħa u ħamsin fil-mija, jiġifieri waħda qawwija.
Fid-dawl ta’ din il-pożizzjoni finanzjarja, il-Bank qal li l-azzjonisti fi ħdan l-HSBC se jkunu qed jieħdu qligħ sehem b’sehem ta’ ftit aktar minn erba’ ċenteżmi u nofs għal kull sehem.
Dan huwa iżjed mid-doppju ta’ sena qabel.