In-numru ta’ fatalitajiet kawża tat-terremot fit-Turkija u s-Sirja issa qabeż l-20,000 persuna. Ħaddiema tas-salvataġġ għadhom qed ifittxu għall-persuni, iżda, it-tama li jinstabu ħajjin qed tonqos hekk kif għaddew erbgħat ijiem mindu seħħ dan id-diżastru; filwaqt li t-temperaturi kesħin qed ikomplu jagħmlu s-sitwazzjoni ferm aktar diffiċli.
Ilbieraħ, il-Bank Dinji wiegħed li se jagħti kważi żewġ biljun dollaru f’għajnuna lit-Turkija, inkluż finanzjament fl-immedjat biex jibda jinbena bini għal dawk l-aktar milquta.
Intant, is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, Antonio Guterres qal li lbieraħ ingħatat l-ewwel għajnuna umanitarja lis-Sirja. Huwa qal li l-għajnuna setgħet tingħata billi taqsam minn fruntiera li mhux ikkontrollata mill-forzi tal-gvern Sirjan. Guterres għamel referenza wkoll għall-gwerra ċivili fis-Sirja, li ilha għaddeja żmien u li qerdet il-pajjiż.