Bankiera ċentrali mill-Ewropa, l-Afrika u l-Lvant Nofsani ser jingħaqdu ma’ wħud mill-kollegi tagħhom Maltin għal żewġ korsijiet organizzati mill-Bank Ċentrali ta’ Malta ġewwa l-Belt Valletta, Malta.
Numru ta’ gradwati mill-Università ta’ Malta ser jattendu wkoll għall-korsijiet ta’ ħamest ijiem intensivi.
Il-korsijiet huma parti minn ftehim ta’ tliet snin mal-Università ta’ Nottingham, li ser jirriżulta f’aktar opportunitajiet bilaterali tul dan il-ftehim.
Iż-żewġ korsijiet ta’ taħriġ ta’ livell għoli dwar il-makroekonomija u l-politika monetarja ser isiru minn żewġ professuri mill-iSchool of Economics tal-Università ta’ Nottingham – Alejandro Riaño u Paul Mizen. Dan tal-aħħar ser jagħti lekċer pubblika dwar Brexit fit-18 ta’ Settembru.
Din l-inizjattiva edukattiva hija waħda minn diversi meħuda mill-Bank bħala parti mill-programm tiegħu ta’ responsabbiltà soċjali korporattiva, bil-għan li jgħin fl-iżvilupp talkarrieri tal-impjegati tiegħu u kif ukoll joffri opportunitajiet uniċi lil min f’Malta hu interessat jew involut f’din l-isfera importanti.
Dan l-avveniment partikolari jsaħħaħ ukoll l-inizjattiva kontinwa ta’ networking mill-Bank ma’ banek ċentrali oħrajn fir-reġjun u lil hinn, kif ukoll isaħħaħ irrabtiet bejn il-Bank u universitajiet fir-Renju Unit.
Informazzjoni dwar korsijiet u avvenimenti organizzati mill-Bank tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Bank www.centralbankmalta.org.