Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, il-Professur Edward Scicluna, ipparteċipa fil-laqgħa informali tal-Affarijiet ekonomiċi u finanzjarji (ECOFIN) li saret f’ Santiago de Compostela, Spanja fil-15 u s-16 ta’ Settembru 2023.
Il-laqgħa tal-ECOFIN, li għaliha attendew b’mod konġunt il-Gvernaturi tal-Banek Ċentrali tal-UE u l-Ministri tal-Finanzi tal-UE, iddiskutiet ir-rwol tas-swieq finanzjarji Ewropej fil-kontribut għat-tkabbir ekonomiku tal-futur. Matul is-sessjoni, il-Ministri u l-Gvernaturi tal-Bank Ċentrali qasmu l-fehmiet tagħhom dwar ir-rwol tas-swieq finanzjarji Ewropej fil-finanzjament tal-ġenerazzjoni li jmiss ta’ kumpaniji li se jipprovdu impjiegi u jippromwovu tkabbir ekonomiku fil-futur.
Fil-qafas tal-Ecofin, saret għall-ewwel darba laqgħa konġunta mal-ministri u l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali mir-reġjun tal-Amerika Latina u l-Karibew, organizzata b’kollaborazzjoni mal- CAF – il-Bank tal-Iżvilupp tal-Amerika Latina u l-Karibew. Dawn il-laqgħat daru madwar tema komuni: “lejn ekonomija globali Ekoloġika u diġitali”.
Il-Gvernatur kien akkumpanjat mid-Deputat Gvernatur is-Sur Alexander Demarco.