Id-deċennji ta’ bejn l-elf disa’ mija tmienja u sittin u l-elfejn u tmintax kienu snin li sawwru l-istorja tal-Bank Ċentrali ta’ Malta.
F’konferenza f’Binja Laparelli li fiha l-Bank fakkar il-ħamsin anniversarju mit-twaqqif tiegħu, kien rikonoxxut il-kontribut siewi li ta lill-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna, speċjalment fil-bidu meta kien jamministra l-Lira Maltija li kienet kruċjali biex iżżomm l-inflazzjoni baxxa.
Iżda tul is-snin l-irwol tal-Bank Ċentrali ta’ Malta inbidel; minn bank li kien jamministra politika monetarja msejsa fuq munita lokali, għal Bank li qed jagħti sehmu fil-fora Ewropea.
Bħala istituzzjoni indipendenti li tifforma parti mis-sistema Ewropea, il-Bank huwa responsabbli li jiġbor u jippubblika statistiċi ekonomiċi u finanzjarji; fl-istess waqt li jservi ta’ bankier għall-Gvern fl-interess pubbliku.
L-ewwel Gvernatur tal-Bank kien Dr. Philip Hogg fl-elf disa’ mija tmienja u sittin, u tul dawn l-aħħar ħamsin sena kien hemm wieħed u għoxrin Gvernatur u Deputat Gvernatur.
L-assi tal-bank kibru minn mija u disgħa u erbgħin miljun ewro fl-elf disa’ mija tmienja u sittin għal aktar minn ħamest elef u ħames mitt miljun ewro fl-elfejn u sittax.
F’diskors tal-okkażjoni, il-Ministru tal-Finanzi, il-Professur Edward Scicluna, innota l-bidla fl-irwol tal-Bank minn meta Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea – meta minn dakinhar il-politika monetarja ħadha l-Bank Ċentrali Ewropew.
Però dan ma jfissirx li l-Bank Ċentrali ta’ Malta mhux qed jikkontrobwixxi bħal pajjiżi oħra, bil-Ministru jinnota li l-Bank għandu jkun kburi bil-prestazzjoni tiegħu tul is-snin.