Rapport tal-Bank Ċentrali ta’ Malta jindika li għall-ewwel darba fl-istorja l-familji f’pajjiżna għandhom aktar minn €13–il biljun f’depożiti ma’ banek lokali. Dan ifisser żieda ta’ ħames biljuni u tlett mitt miljun ewro mill-ammont ta’ depożiti li kien hemm qabel il-bidla fl-amministrazzjoni f’Marzu 2013.
Kuljum mill-bidla fil-Gvern ’l hawn id-depożiti tal-familji mal-banek lokali żdiedu b’medja ta’ żewġ miljun u mitejn elf ewro. Taħt l-amministrazzjoni preċedenti l-medja taż-żieda fid-depożiti mal-banek bilkemm kienet tlaħħaq miljun ewro kuljum.
Dan ifisser li r-rata li bih irnexxielhom iżidu d-depożiti mal-banek l-familji Maltin u Għawdxin aktar milli rdoppjat.
Skont il-Bank Ċentrali l-familji f’pajjiżna għandhom rata ta’ tifdil ta’ 18% tad-dħul tagħhom. Bejn l-2008 u l-2012 ir-rata ta’ tifdil kienet ta’ bejn 5% u 7%. Stħarriġ ieħor tal-Bank Ċentrali jindika li bejn l-2010 u l-2016 il-proporzjon tal-familji f’pożizzjoni li jistgħu jfaddlu rdoppjat.
Iż-żieda qawwija fid-depożiti mal-banek tal-familji Maltin u Għawdxin tispjega għaliex żdied daqstant il-proporzjon ta’ dawk li jħossu li huma middle class f’pajjiżna. L-aktar studju riċenti tal-Ewrobarometru jindika li madwar żewġ terzi ta’ dawk intervistati f’Malta qalu li jħossu li huma middle class. Dan kontra anqas minn nofs ta’ dawk intervistati madwar l-Unjoni Ewropea.
L-istatistika fuq ir-rekord ta’ tifdil tal-familji ħarġet ftit wara statistika li indikat li għall-ewwel darba l-paga medja f’pajjiżna qabżet l-€20,000, kif ukoll statistika li indikat li r-rata ta’ impjiegi f’pajjiżna bdiet taqbeż sewwa l-medja Ewropea.
Dan kollu jikkonferma kemm it-tkabbir ekonomiku f’pajjiżna laħaq firxa wiesgħa ta’ nies u wassal għall-ħolqien ta’ middle class ġdida.