Fis-sentejn li ġejjin, il-prodott domestiku gross ta’ pajjiżna se jikber bit-tbassir ekonomiku ferm aħjar minn dak tal-pajjiżi oħra fiż-żona ewro.
Dan sostnih il-Bank Ċentrali ta’ Malta fejn ta dettalji tal-prospetti għall-ekonomija Maltija sal-2022.
Il-Bank Ċentrali spjega li fit-tieni kwart, waqt il-pandemija, ġie rreġistrat tnaqqis fl-andament ekonomiku iżda fit-tielet kwart hemm sinjali ta’ stabbilizzazzjoni.
Il-Bank Ċentrali qal li din is-sena l-prodott domestiku gross mistenni jonqos b’6.6% iżda fis-sentejn ta’ wara, il-prodott domestiku mistenni jikber b’6% u b’4.1% sussegwentament.
Fil-fatt sa nofs l-2022, il-prodott domestiku gross mistenni jiġi fil-livell ta’ dak li kien fl-2019.
Il-Bank Ċentrali semma fost oħrajn il-miżuri li ħa l-Gvern biex ikun ta’ spalla għan-negozji u l-familji, partikolarment il-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika li ħabbar il-Prim Ministru Robert Abela f’Ġunju li għadda.
F’dan il-kuntest, il-Bank Ċentrali spjega li l-miżuri fiskali u ta’ likwidità tal-Gvern huma stmati li se jagħtu spinta ta’ tliet punti perċentwali lill-prodott domestiku gross u jnaqqsu t-tnaqqis fil-prodott domestiku gross, b’terz.
Il-prospetti ekonomiċi għal Malta juru wkoll li l-miżuri fiskali tal-Gvern għenu mhux ftit lis-suq tax-xogħol, u għalhekk, it-telf previst fl-impjiegi huwa pjuttost moderat meta mqabbel mat-tnaqqis previst fil-prodott domestiku gross.
Fl-analiżi tiegħu, il-Bank Ċentrali jżid jgħid li l-iżviluppi fis-suq lokali tax-xogħol huma ħafna aħjar mix-xejriet osservati fiż-żona ewro.
Fakkar kif f’Ġunju li għadda, Malta rreġistrat għall-ewwel darba l-iktar rata baxxa tal-qgħad fiż-żona ewro.
Intqal ukoll li s-suq tax-xogħol hu mistenni li jirkupra fis-snin ta’ wara minħabba titjib previst fil-livelli tal-attività ekonomika f’pajjiżna u lil hinn.
Fir-rapport tiegħu, il-Bank Ċentrali rrefera wkoll għall-finanzi pubbliċi u semma li riżultat tal-miżuri t’għajnuna tal-Gvern fosthom fil-ħlas tal-pagi tan-negozji, il-bilanċ tal-Gvern mistenni li jkun f’defiċit ta’ 8.6% tal-prodott domestiku gross ta’ din is-sena.
Id-defiċit mistenni li jonqos fl-2021 u jkun fil-livell ta’ 3.5% tal-prodott domestiku gross sal-2022.
Il-proporzjon tad-dejn tal-Gvern għall-prodott domestiku gross hu mistenni li jitla’ minn 43.7% fl-2019 għal 57.9% sal-2022 iżda jibqa’ taħt il-valur referenzjarju ta’ 60% tal-patt ta’ stabbilità u tkabbir, u ferm taħt il-livelli mbassrin għaż-żona ewro.
Fl-2013, id-dejn kien 68.4% tal-prodott domestiku gross u fl-aħħar għaxar snin, l-aktar darba li ġie reġistrat dejn għoli kien fl-2011.
F’dik is-sena saħansitra d-dejn tal-Gvern kien 70.2% tal-prodott domestiku gross.
Intant fi stqarrija separata l-Gvern qal li t-tbassir tal-Bank Ċentrali ta’ Malta jikkonferma sensiela ta’ rapporti oħra minn esperti barranin minn aġenziji internazzjonali ta’ kreditu u anki l-Kummissjoni Ewropea li lkoll sostnew li Malta hija pajjiż fl-Ewropa li fis-sentejn li ġejjin se tirkupra ekonomikament wara pandemija li laqtet lid-dinja kollha.
Il-Gvern qal li l-istudju huwa l-ewwel wieħed li jikkwantifika bi preċiżjoni l-impatt tal-miżuri tal-Gvern u spjega kif il-miżuri li introduċa l-Gvern huma stmati li għollew il-ġid nazzjonali bi 3%.
Dan huwa kważi darbtejn ir-rata ta’ tkabbir medju li pajjiżna kellu bejn l-2008 u l-2012.