Il-Bank Ċentrali rreveda ’l fuq it-tkabbir ekonomiku ta’ Malta għal din is-sena. Dan hekk kif minn 3.7%, din telgħet għal 4%.
Ir-rapport tal-Bank Ċentrali rreveda ’l fuq ukoll it-tkabbir ekonomiku għas-sena d-dieħla u ta’ wara u dan mistenni jibqa’ viċin ir-rata ta’ din is-sena. Dan meta s-sena d-dieħla, pajjiżna mistenni jkollu tkabbir ekonomiku ta’ 3.8%, waqt li fis-2025 pajjiżna se jkollu tkabbir ekonomiku ta’ 3.7%.
Il-Bank Ċentrali nnota li t-tkabbir ekonomiku għal din is-sena mistenni jsir permezz tal-esportazzjoni netta.
Dan ir-rapport jgħid li fis-sentejn li ġejjin, se jkun hemm żieda fl-impjiegi f’pajjiżna, waqt li r-rata tal-qgħad f’pajjiżna se tibqa’ f’livell baxx kif tinsab. Dan hekk kif bħalissa pajjiżna għandu fost l-inqas rati ta’ qgħad li qatt irreġistra pajjiżna.
F’dan ir-rapport ħareġ ukoll li l-inflazzjoni se tonqos bin-nofs sas-sena d-dieħla. Hawnhekk issemma kif fis-settur tal-enerġija, il-Gvern qiegħed jissussidja ż-żieda biex dawn jibqgħu stabbli.
Ir-rapport tal-Bank Ċentrali jgħid ukoll li d-defiċit tal-gvern generali mistenni għal inqas minn 5% tal-Prodott Gross Domestiku din is-sena, minn kważi 6% s-sena l-oħra. Dan waqt li sal-2025 se jinżel għal 3.4%.
Dan filwaqt li d-dejn tal-Gvern se jibqa’ taħt is-60% skont il-kriterji tal-Unjoni Ewropea.