Fl-analiżi ekonomika tiegħu għat-tieni kwart ta’ din is-sena, jiġifieri bejn April u Ġunju, il-Bank Ċentrali ta’ Malta osserva li l‑attività ekonomika aċċellerat. Fl-istess perjodu, il-Prodott Domestiku Gross reali żdied bi 8.9 fil-mija, wara ż-żieda ta’ 8.1 fil-mija li kienet ġiet irreġistrata bejn Jannar u Marzu.
Il-Bank Ċentrali nnota li l-iżviluppi fis-suq tax-xogħol baqgħu pożittivi, u li żidedu l-livelli tal-impjiegi u r-rati ta’ impjieg. Ir-rata tal‑qgħad baqgħet kostanti fil-livell ta’ 2.9%, ferm taħt ir-rata ta’ 3.4 fil-mija rreġistrata sena qabel. Ir-rata tal-qgħad f’Malta kienet ukoll taħt ir-rata medja ta’ 6.6% għaż-Żona tal-Ewro.
Il-Bank Ċentrali rrapporta wkoll li, matul it-tieni kwart tal-2022, id-defiċit tal-Gvern ġenerali naqas meta mqabbel ma’ dak irreġistrat fl-istess perjodu tal-2021. Sadattant, il-proporzjon tad-dejn tal-Gvern ġenerali fil-Prodott Domestiku Gross naqas minn 57.4 fil-mija għal 55.1 fil-mija fl-aħħar ta’ Ġunju 2022.