Fl-analiżi ta’ kull xahar li jippubblika l-Bank Ċentrali, ġie nnotat li l-inflazzjoni waqgħet għall-inqas livell osservat minn Settembru tal-2021 lil hawn, li jfisser li l-għoli tal-ħajja naqas għal dak li kien mat-tliet snin u nofs ilu.
Dan seħħ minħabba tnaqqis fil-prezz tal-ikel matul ix-xahar ta’ Frar, li inċidentalment hu x-xahar li fih bdiet topera l-iskema ‘Stabbiltà’, li ġiet introdotta mill-Gvern, immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, bi qbil mal-importaturi u s-sidien tal-ħwienet.
Ir-rapport tal-Bank Ċentrali jsostni wkoll li, jekk wieħed jeskludi l-effett tal-prezzijiet tal-enerġija u l-bidliet staġjonali fl-ikel, ir-rata ta’ inflazzjoni f’pajjiżna baqgħet taħt dik fl-Unjoni Ewropea.
Sadanittant, skont l-istess aġġornament tal-Bank Ċentrali, l-ekonomija Maltija kompliet tikber, għalkemm b’rata naqra aktar moderata minn dik tas-snin imgħoddija.
Dan wassal, fost l-oħrajn, għal tnaqqis fid-domanda għal aktar ħaddiema, għalkemm skont il-Bank Ċentrali r-rata ta’ qgħad baqgħet f’livelli minimi storiċi.
L-istat tajjeb tal-ekonomija wassal biex il-finanzi tal-Gvern ikomplu jitjiebu, għax l-Istat daħħal aktar flus f’taxxi, minkejja li kompla jżid l-ispiża. Minbarra hekk żdied sew l-ammont ta’ depożiti tal-Maltin mal-banek lokali, waqt li l-bejgħ ta’ proprjetà baqa sostnut u l-istess il-bejgħ mill-ħwienet żdied ukoll.
Waqt li l-operaturi fis-settur tal-kostruzzjoni baqgħu jindikaw livell ta’ ottimiżmu sinifikanti, naqas l-ammont ta’ permessi approvati. Kien hemm ukoll tnaqqis qawwi fil-produzzjoni tal-enerġija.