Skont l-andament tar-Retail Price Index matul ix-xahar ta’ Frar, maħruġ mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, pajjiżna fl-aħħar tnax-il xahar kellu medja ta’ inflazzjoni ta’ 1.5%. Ferm inqas meta mqabbel ma’ Frar tas-sena l-oħra, fejn il-medja tal-inflazzjoni kienet ta’ 4.4%, jew kważi tlett darbiet aktar.
Fattur ewlieni wara dan it-tnaqqis fir-rata medja ta’ inflazzjoni kien l-andament tal-prezzijiet tal-ikel. Dan ġie rrapportat mill-gazzetta it-Torċa fil-ħarġa tal-Ħadd.
Filfatt f’Jannar 2024, il-medja tar-rata taż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel fuq medda ta’ tnax-il xahar kienet tlaħħaq id-9.4% – waħda mill-ogħla rati fl-istorja.
Mix-xahar ta’ wara, imbagħad beda tnaqqis sostnut f’din ir-rata, tant li fi Frar li għadda l-medja tal-inflazzjoni tal-prezz tal-ikel kienet 2.7% biss, jiġifieri madwar kwart dik osservata madwar minn sena qabel.
Fi Frar tas-sena l-oħra, il-Gvern kien beda jimplimenta l-iskema Stabbiltà – meta l-Partit Nazzjonalista kien mexxa kampanja qawwija biex jimmina l-iskema.
Mentri fit-tnax-il xahar qabel tmiem Jannar 2024 il-prezzijiet tal-ikel kienu żdiedu b’9.4%, fit-tnax-il xahar qabel tmiem Frar li għadda, iż-żieda kienet naqset għal 2.7% biss.
Il-gazzetta it-Torċa, sostniet kif l-analisti li tkellmu ma’ dan il-ġurnal sostnew li ftit li xejn jidher possibli li l-inflazzjoni tgħolli wisq rasha f’pajjiżna.
Filfatt l-aktar tbassir riċenti tal-Bank Ċentrali ta’ Malta saħansitra jindika li r-rata ta’ inflazzjoni din is-sena se tonqos għal 2.1% minn 2.4% sena ilu.