It-tkabbir ekonomiku f’pajjiżna jibqa’ mgħaġġel matul is-snin li ġejjin. Hekk jistenna l-Bank Ċentrali ta’ Malta li fi stqarrija qal kif it-tkabbir mistenni jkun f’medja ta’ 4.4% bejn l-2019 u l-2021.
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta qal kif filwaqt li t-tkabbir fil-konsum privat u l-infiq tal-gvern mistenni jibqa’ b’saħħtu, l-investiment mistenni jiżdied wara t-tnaqqis irreġistrat is-sena l-oħra. Dan filwaqt li l-istqarrija qalet li l-bank irreveda it-tbassir preċedenti biex issa qed jipprevedi tnaqqis marġinali fit-tkabbir tal-Prodott Domestiku Gross. Dan minħabba dewmien fi proġetti maġġuri ta’ investiment fis-settur privat.
Il-bilanċ tal-Gvern mistenni jibqa’ wieħed pożittiv bil-proporzjon ta’ dejn fil-Prodott Domestiku Gross mistenni jinżel taħt l-40 fil-mija sal-2021.
Il-kontribut għall-ekonomija maltija mill-esportazzjoni ta’ prodotti lejn pajjiżi oħrajn mistenni jonqos minħabba xenarju internazzjonali dgħajjef. Madankollu, il-kontribut tal-esportazzjoni għandu jkun pożittiv fl-2021. Dan filwaqt li l-importazzjoni mistenni tħalli impatt pożittiv minħabba s-saħħa tad-domanda domestika f’pajjiżna.
Iż-żieda fil-prezzijiet tal-prodotti permezz tal-inflazzjoni mistennija tnaqqas xi ftit sal-aħħar ta’ din is-sena biex imbgħad mistennija tara żieda ta’ madwar 2% sas-sena 2021. Dan skont l-inflazzjoni bbażata fuq l-indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur.
It-tbassir tal-bank ċentrali juri wkoll kif filwaqt li r-rata ta’ ħolqien ta’ mpjiegi mistennija tnaqqas xi ftit, kemm l-attività ekonomika kif ukoll iż-żieda fix-xogħol mistennija jibqgħu l-fuq mill-medja storika.