Is-sentiment ekonomiku li huwa indikatur ewlieni li teżisti fiduċja ekonomika mill-investituri kif ukoll mill-konsumaturi tela’ u jinsab ogħla mill-medja storika tiegħu.
Dan sostnieh il-Bank Ċentrali ta’ Malta f’aġġornament ekonomiku li ħareġ għax-xahar ta’ Ottubru.
Il-Bank Ċentrali spjega li żidiet fil-fiduċja fis-setturi tas-servizzi, tal-kostruzzjoni u tal-industrija għelbu tnaqqis fis-sentiment fis-settur tal-bejgħ bl-imnut u fost il-konsumaturi.
Il-Bank Ċentrali rrimarka li l-kundizzjonijiet fis-suq tax-xogħol baqgħu jkunu favorevoli, bir-rata tal-qgħad tibqa’ baxxa ferm.
F’dan il-kuntest l-aġġornament ekonomiku spjega wkoll li f’Settembru li għadda t-turisti li żaru lil pajjiżna żdiedu meta mqabbel mal-istess xahar ta’ qabel, għalkemm b’ritmu nqas mgħaġġel meta mqabbel ma’ Awwissu, xahar meqjus bħala l-qofol tal-attività turistika f’pajjiżna.
Id-depożiti tal-Maltin u l-Għawdxin żdiedu wkoll b’rata annwali iktar mgħaġġla ta’ 5.6% fis-sena sa Settembru, filwaqt li l-kreditu ta’ dawk kollha li jgħixu f’pajjiżna żdied b’6.2%.
Ir-rapport tal-Bank Ċentrali nnota wkoll tnaqqis fl-inflazzjoni.
F’Settembru bbażata fuq l-indiċi tal-prezzijiet, l-inflazzjoni battiet għal 1.6%.
Il-Bank Ċentrali żied jispjega li r-rata bbażata fuq l-indiċi tal-prezzijiet bl-imnut, li huwa kejl aktar relevanti għax ifisser bejgħ dirett lill-konumsaturi mmodera wkoll għal 1.4%.
Intant l-aġġornament ekonomiku qal ukoll li l-produzzjoni industrijali żdiedet b’rata inqas mgħaġġla iżda l-volum tal-bejgħ bl-imnut żdied b’ritmu annwali aktar mgħaġġel meta mqabbel max-xahar ta’ qabel.