Il-Bank Ċentrali estenda l-moratorju fuq self sal-aħħar ta’ Marzu li ġej.
Fid-direttiva li ħareġ il-Bank fid-dawl tal-pandemija, wara konsultazzjoni bejn il-Ministeru għas-Saħħa u dak tal-Finanzi, intqal li l-applikazzjonijiet għall-moratorju qed jiġu estiżi jew għal moratorju eżistenti jew inkella għall-moratorju kompletament ġdid.
Il-Bank Ċentrali spjegaw li dawk li qed japplikaw għal moratorju fuq self li qatt ma kien soġġett għal moratorju, huma intitolati għal moratorju b’massimu ta’ disa’ xhur.
Min-naħa l-oħra, dawk li bbenefikaw, jew qed jibbenefikaw, minn moratorju iqsar minn disa’ xhur jistgħu japplikaw għal estensjoni sabiex it-tul tal-moratorju tagħhom jiġi estiż biex ikopri perjodu totali tal-moratorji ta’ mhux aktar minn disa’ xhur.
Self li diġà qed jibbenefika minn perjodu tal-moratorju ta’ aktar minn disa’ xhur mhux ser ikun eleġibbli għal estensjoni oħra.
Fl-aħħar xhur kien sar magħruf li eluf ta’ familji u negozji ngħataw nifs ta’ biljun u mitejn u sebgħin miljun ewro fuq ħlasijiet fi djun wara li l-Gvern, permezz tal-Bank Ċentrali kien ordna l-ewwel moratorju għall-perjodu minimu ta’ sitt xhur.
L-aktar settur tan-negozji li bbenefika mill-moratorju kien dak tal-bejgħ bil-grossa u tal-ħwienet.