Il-Bank Ċentrali ta’ Malta estenda d-data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet u t-tul tal-moratorju.
F’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Għada Aħjar’, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna spjega li dan iffisser li persuni jew negozji li diġà applikaw għal sitt xhur moratorju jistgħu japplikaw għal estensjoni ta’ sitt xhur oħra, u jkunu gawdew minn posponiment ta’ sena sħiħa fuq id-djun.
Il-Ministeru responsabbli għas-saħħa pubblika, b’konsultazzjoni mal-Ministeru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji, estenda l-perjodu għall-applikazzjonijiet għal moratorju sat-30 ta’ Settembru 2020.
Fi stqarrija l-Bank Ċentrali qal li dawk li jissellfu u li ngħataw moratorju bejn l-1 ta’ Marzu 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2020, u jistgħu juru li s-sitwazzjoni tagħhom mhux ser titjieb matul il-perjodu oriġinali ta’ sitt xhur kif stipulat mid-direttiva oriġinali li kienet ħarġet dwar il-moratorju, jistgħu japplikaw għal estensjoni ta’ perjodu addizzjonali ta’ sitt xhur sa mhux aktar tard mill-aħħar ta’ Settembru.
Il-bank qed joffri dan il-moratorju fuq il-ħlasijiet lura tal-kapital u l-imgħax għal min jissellef u li ġie affettwat b’mod negattiv mill-pandemija.
Fil-jiem li għaddew sar magħruf li eluf ta’ familji u negozji ngħataw nifs ta’ biljun u mitejn u sebgħin miljun ewro fuq ħlasijiet fi djun wara li l-Gvern, permezz tal-Bank Ċentrali ordna moratorju għall-perjodu minimu ta’ sitt xhur.
L-aktar settur tan-negozji li bbenefika mill-moratorju kien dak tal-bejgħ bil-grossa u tal-ħwienet.
Erba’ mitt kumpanija jew nies li jaħdmu għar-rashom fis-settur tal-bejgħ qed jingħataw dan is-sostenn.