Il-Bank Ċentrali ta’ Malta qed jagħti sitt xhur moratorju fuq self.
Il-bank qed joffri dan il-moratorju fuq il-ħlasijiet lura tal-kapital u l-imgħax għal min jissellef u li ġie affettwat b’mod negattiv mill-Coronavirus.
Id-deputat Gvernatur tal-Bank Ċentrali, Alexander Demarco qal li dan il-moratorju ħareġ fuq direttiva tal-Gvern b’avviż legali biex jgħin lil familji u n-negozji li ntlaqtu mill-pandemija.
B’hekk il-banek u dawk l-istituzzjonijiet finanzjarji liċenzjati mill-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, l-MFSA qed jiġu ordnati jissospendu l-ħlasijiet ta’ self.
Fil-fatt is-Sur Demarco saħaq li għal dan il-moratorju jistgħu japplikaw il-partijiet imsemmija sal-aħħar ta’ Ġunju li ġej.
Huwa spjega: “Kemm ħaddiema li forsi jew tilfu l-post tax-xogħol tagħhom jew inkella naqsitilhom l-paga għaliex forsi qed jaħdmu ġranet imnaqqsa fil-ġimgħa, dawn jistgħu imorru għand il-bank tagħhom biex jitlob il-bank tagħhom sabiex jissospendi l-ħlasijiet li jkunu qed jagħmlu kemm fuq il-kapital u anke fuq l-imax li kienu jħallsu għas-self li kellhom mal-bank.”
Fi stqarrija, il-bank qal li l-applikazzjoni ta’ min jissellef għandha ssir mal-istituzzjoni tal-kreditu jew finanzjarja rispettiva.
Huwa sostna: “Irid japplika l-individwu u jrid jiġġustifika illi huwa ġie affetwat mill-pandemija billi d-dħul tiegħu naqaslu jew tilfu u li ma jistax iħallas dawk il-pagamenti li kien qed jagħmel qabel.”
Min jissellef jista’ japplika li joqgħod lura mill-ħlasijiet, kemm tal-kapital u tal-imgħax u jista’ jagħżel ukoll li jkompli jħallas l-imgħax iżda mhux il-kapital.
Il-kamra għan-negozji żgħar u medji laqgħet l-introduzzjoni tal-moratorju u fi stqarrija qal li din hija neċessitá bażika u pilastru importanti fil-mekkaniżmu ta’ sapport għan-negozji kontra l-effetti tal-Coronavirus