F’Aġġornament Ekonomiku għax-xahar ta’ Marzu, il-Bank Ċentrali nnota li s-sentiment ekonomiku f’pajjiżna tela’ fix-xahar ta’ Frar meta mqabbel max-xahar ta’ qabel.
Dan kien ogħla mill-medja storika tiegħu. Il-Bank Ċentrali qal dan meta ta ħarsa lejn l-istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Fiduċja.
Il-Bank Ċentrali nnota li, meta mqabbel max-xahar ta’ qabel, it-titjib kien fil-biċċa l-kbira xprunat mis-setturi tal-kostruzzjoni u s-servizzi.
Mir-rapport ħareġ ukoll li l-Indikatur ta’ Inċertezza tal-Kummissjoni Ewropea għal Malta naqas fix-xahar ta’ Frar. Dan jindika livell iżjed baxx ta’ inċertezza, bl-akbar tnaqqis f’dan l-indikatur ikun fl-industrija.
F’Jannar, it-tkabbir fil-produzzjoni industrijali u l-volum tal-bejgħ bl-imnut baqgħu b’saħħithom f’termini annwali, waqt li r-rata tal-qgħad kienet ta’ 3 fil-mija, matul l-istess xahar.
Minn dan l-aġġornament ekonomiku tal-Bank Ċentrali ħareġ li, f’Jannar ukoll, it-tkabbir annwali fid-depożiti tal-Maltin żdied b’rata ta’ 3.9 fil-mija. Dan filwaqt li t-tkabbir annwali fil-kreditu lir-residenti kien ta’ 7.3 fil-mija.