Rapport tal-ekonomist ewlieni tal-Bank Ċentrali, Nathaniel Debono, jikkonferma li r-rati tal-interess f’pajjiżna huma l-inqas li jeżistu fiż-Żona Ewro. Fil-fatt, ir-rata ta’ Malta hi ta’ madwar tnejn punt sitta fil-mija, waqt li dik fiż-Żona Ewro hi kważi d-doppju wara li qabżet l-erbgħa fil-mija.
Ħarsa lejn l-impatt ta’ din id-differenza b’mod prattiku fuq self ta’ madwar mitejn u ħamsin elf ewro, ir-rata fiż-Żona Ewro tfisser li min jissellef irid iħallas mat-tlett elef u ħames mitt ewro fis-sena jew tliet mitt ewro kull xahar f’interessi.
L-istudju tal-Bank Ċentrali jindika li, f’temp ta’ madwar sena u nofs, il-piż tal-imgħaxijiet fiż-Żona Ewro kważi kkwadrupla, waqt li f’Malta baqa’ l-istess. Ta’ min jinnota wkoll li, fl-istess perjodu, f’pajjiżna l-Gvern introduċa l-benefiċċju ta’ elf ewro kull sena għal għaxar snin għal dawk kollha li se jixtru l-ewwel residenza tagħhom b’self mill-banek.
Għaldaqstant, imqabbel mal-medja Ewropea, first-time buyer f’Malta qed iħallas tlett elef u ħames mitt ewro inqas f’imgħax u fl-istess ħin qed jirċievi elf ewro.
Fi kliem sempliċi, tliet mija u ħamsa u sebgħin ewro fix-xahar qed jibqgħu fil-bwiet tal-Maltin u l-Għawdxin meta mqabblin ma’ first-time buyers fiż-Żona Ewro.
L-istudju minn Nathaniel Debono għall-Bank Ċentrali jispjega li waħda mir-raġunijiet għalxiex ir-rati ta’ interess ma żdidux f’Malta hu l-livell għoli ta’ likwidità li jgawdu l-banek lokali. It-tkabbir qawwi tal-ekonomija wkoll għen lill-banek iżidu l-profitti tagħhom, waqt li l-proporzjon tas-self ħażin naqas drastikament.
L-agħar milqutin ħażin mir-rati għoljin fl-Ewropa fl-aħħar xhur huma l-Portugiżi fejn l-imgħax fuq is-self laħaq is-sitta fil-mija jew kważi darbtejn u nofs dik f’pajjiżna. First-time buyer fil-Portugall li jissellef mitejn u ħamsin elf ewro jrid iħallas mat-tmint elef u ħames mitt ewro iżjed jew seba’ mitt ewro aktar f’imgħax.
Dan il-kalkolu lanqas jieħu inkonsiderazzjoni l-għotja li qed jagħti l-Gvern Malti lill-first-time buyers lokali.