Filwaqt li madwar l-Unjoni Ewropa d-diskors hu dwar kemm tista’ ddum ir-riċessjoni attwali, f’Malta l-ekonomija qed tkompli miexja ’l quddiem.
Tant hu hekk li l-Bank Ċentrali fl-aħħar aġġornament ekonomiku tiegħu jinnota li l-Indiċi tal-Kundizzjonijiet tan-Negozju, li jiġbor perjodikament, qed jindika li, f’Diċembru li għadda, it-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali baqa’ ogħla mill-medja storika.
Fil-fatt, l-indiċi jidher li tjieb meta mqabbel max-xahar ta’ qabel.
L-Indiċi tal-Kundizzjonijiet tan-Negozju hu indikatur kumpless miġbur mill-ekonomisti tal-Bank Ċentrali minn xejriet u informazzjoni bbażati fuq firxa wiesgħa ta’ varjabbli ekonomiċi. Dawn flimkien juru li l-ekonomija qed tikber aktar milli kibret fil-passat.
Il-pubblikazzjoni tal-Bank Ċentrali tgħid ukoll li l-indikatur tas-sentiment ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea dwar Malta żdied f’Diċembru u kien ogħla mill-medja storika. Aktar importanti minn hekk, l-aspettattivi tal-kumpaniji dwar domanda għall-impjiegi żdiedu ħafna.
Ir-rapport jinnota li meta mqabbel mal-medja għall-2022, l-aspettattivi dwar għoli fil-prezzijiet fl-2023 naqsu b’mod sinifikanti. Dan ifisser li l-pressjonijiet inflazzjonarji qed jonqsu. Ir-rati uffiċjali tal-inflazzjoni fil-fatt jikkonfermaw li l-għoli tal-ħajja qed jimmodera.
L-esperti tal-Bank josservaw li l-produzzjoni industrijali żdiedet, l-istess bħall-kummerċ bl-imnut.
Il-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol ukoll baqgħu favorevoli f’Novembru, b’aktar nies isibu xogħol milli jispiċċaw u fil-fatt il-qgħad kien ferm baxx.
F’Diċembru, in-numru ta’ konvenji u ta’ kuntratti ta’ xiri ta’ proprjetà rreġistrati żdiedu. L-istess kif għamlu d-depożiti tal-familji Maltin u Għawdxin fil-banek kummerċjali.