Il-Bank Ċentrali Ewropew laqa’ t-talba tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji u rtira l-liċenzja bankarja tal-bank Nemea, li fost id-diretturi tiegħu għandu lill-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi.
Dan wara li baqa’ ma ġiex irreġistrat progress f’għadd ta’ nuqqasijiet li kienu nstabu fit-tmexxija tal-bank li qajmu tħassib regolatorju serju.
Fi stqarrija, l-Awtorità qalet li s-sena li għaddiet sabet nuqqasijiet serji li wassluha biex tieħu azzjoni regolatorja.
Kien għalhekk li Nemea – li huwa bank b’servizzi online – tpoġġa taħt il-kontroll ta’ kumpanija ta’ Awditjar f’April tal-2016 sabiex tkun assigurata l-protezzjoni adattata tad-deposituri u l-klijenti tal-bank.
Pricewaterhouse Coopers Malta kienet il-kumpanija ta’ awdituri li nħatret biex tamministra l-assi tal-bank flimkien ma’ responsabbilitajiet oħra.
Iżda minkejja t-talbiet repetuti li saru, baqa’ ma ġie rreġistrat l-ebda progress biex jintlaħqu r-rekwiżiti regolatorji meħtieġa.
L-Awtorità nnutat ukoll li l-pożizzjoni kapitali tal-bank kienet pożittiva iżda xorta taħt ir-rekwiżiti regolatorji.
L-Awtorità kienet qed għamlet projbizzjoni fuq l-irtirar ta’ depożiti bħala miżura ta’ prekawzjoni biex jiġu mħarsa l-assi tal-bank u biex ikun assigurat trattament ugwali lid-depożitanti.
Fost id-diretturi tal-bank minbarra lill-eks prim ministru Lawrence Gonzi, insibu wkoll lil Joseph F.X. Zahra, li l-Papa Franġisku ħatru fuq kummissjoni speċjali dwar il-finanzi tal-Vatikan.