Mit-Tnejn li ġej, il-Bank Ċentrali ta’ Malta ser joħroġ munita kommemorattiva taż-żewġ ewro li turi t-Tempji Ta’ Ħaġrat. Din il-munita hija r-raba’ minn serje ta’ seba’ muniti li juru siti preistoriċi fil-gżejjer Maltin iddikjarati bħala siti ta’ wirt dinji mill-UNESCO.
Dawn it-tempji Ta’ Ħaġrat fl-Imġarr imorru lura għas-snin 3,600 – 3,000 QK. Kien lura fl-1916, meta s-sit inġieb għall-attenzjoni tal-arkeologu Malti Sir Temi Zammit u l-ewwel skvar sar fl-1923. Dan it-tempju hu wieħed mill-aħjar ippreservati f’Malta u d-daħla grandjuża tiegħu flimkien mat-tliet tarġiet li jwassluk għat-tempju huwa l-karatteristiċi ewlenin tad-disinn tal-munita, fuq disinn tas-Sur Noel Galea Bason.
Dawn il-muniti kommemorativi nħadmu f’verżjoni għaċ-ċirkolazzjoni mill-Monnaie de Paris fi Franza, fejn inħaddmu 320,000 munita min dan it-tip. 300,000 ser jinħarġu fi stoċċijiet, waqt li 20,000 ser ikunu disponibbli f’cards.
Il-muniti jistgħu jinxtraw direttament mill-e-shop tal-Malta Coin Centre (MCC), li jista’ jiġi aċċessat mis-sit elettroniku tal-Bank www.centralbankmalta.org. Il-muniti jistgħu jinxtraw ukoll mill-MCC fil-bini prinċipali tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, fi Pjazza Kastilja ġewwa l-Belt Valletta.
Għal aktar tagħrif, il-pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill-MCC billi jibgħat email fuq mcc@centralbankmalta.org jew iċempel fuq (+356) 2550 6006/7.