F’sensiela ta’ ċertifikati pożittivi minn istituzzjonijiet barranin, issa kien imiss lill-Bank Ċentrali ta’ Malta li, fl-aktar pubblikazzjoni riċenti dwar il-prospetti ekonomiċi ta’ pajjiżna, l-esperti tiegħu ħassew li, għal darb’oħra, kellhom jirrevedu ’l fuq it-tbassir għat-tkabbir nazzjonali.
Dan fl-istess ħin li baxxew it-tbassir tagħhom dwar id-defiċit tal-Gvern, ir-rata tal-qgħad u anke dik tal-inflazzjoni.
L-ekonomisti tal-Bank Ċentrali jgħidu li, meta sar it-tbassir, kienu għadhom ma ħarġux il-figuri uffiċjali fuq it-tkabbir ekonomiku tat-tielet kwart tas-sena.
Dawn il-figuri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, kienu ferm aktar pożittivi minn dak imbassar mill-Bank Ċentrali, tant li l-ekonomisti stqarrew li eventwalment se jkollhom jerġgħu jirrevedu ’l fuq it-tbassir tagħhom għat-tkabbir ekonomiku. Ifisser ukoll li se jkun hemm bżonn reviżjoni oħra ’l isfel fil-każ tad-defiċit u d-dejn nazzjonali.
Ir-rapport tal-Bank Ċentrali jsostni li d-domanda domestika tibqa’ l-mutur tat-tkabbir, speċjalment għax il-konsum privat u l-investiment huma sostnuti.
Fejn tidħol l-esportazzjoni, il-qasam tas-servizzi, xprunat mit-turiżmu, hu mbassar li se jwassal għal tkabbir sostanzjali, ladarba hu magħruf ukoll li l-andament turistiku ssorprenda lil kulħadd bl-irkupru jiġi ferm qabel maħsub u ż-żieda fid-dħul hi qawwija.
L-inflazzjoni mistennija tonqos b’mod gradwali sakemm tiġi lura għal 2% fl-2026, filwaqt li r-rata tal-qgħad mistennija tibqa’ taħt it-3%.
Interessanti l-fatt li l-Bank Ċentrali hu ferm aktar ottimist mill-Gvern innifsu fejn jidħlu l-finanzi pubbliċi, tant li jbassar li d-defiċit din is-sena jkun ta’ 4.6% u mhux 5%, kif qed issostni l-amministrazzjoni.
Anke s-sena d-dieħla t-tbassir tal-Bank għad-defiċit hu inqas minn dak tal-Gvern u, skontu, mistenni jonqos għal kważi 3% sal-2026. Id-dejn nazzjonali hu proġettat li jibqa’ ferm taħt is-60%.
Ir-reviżjoni tal-Bank Ċentrali, bħal dik li għamlu istituzzjonijiet oħrajn, tindika li l-ekonomija tagħna qed tkompli tissorprendi lill-esperti. Filwaqt li pajjiżi oħrajn qed ikomplu jirrevedu ’l isfel it-tkabbir ekonomiku rispettiv tagħhom, pajjiżna jibqa’ oasi ta’ suċċess.