L-APS approva r-rapporti finanzjarji tal-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena fejn il-bank irreġistra qligħ ta’ €13.6 miljun qabel it-taxxa.
Dan il-qligħ jiżboq dak li kien irreġsitrat is-sena li għaddiet, meta l-bank kien irreġistra qligħ ta’ €11.5 miljun fl-istess perjodu.
Il-Grupp irreġistra qligħ ta’ €1.9 miljun.
Id-dħul tal-grupp kiber għal €29.8 miljun, ekwivalenti għal 13.2 fil-mija aktar mid-dħul irreġistrat fl-2021. Dan id-dħul huwa primarjament attribwit għall-interessi miġbura għal self personali u kummerċjali.
Il-Bord irrakomanda dividend ta’ €1,800,000, b’valur ta’ 25 ċenteżmu. Intant, dan id-dividend irid jiġi approvat fil-laqgħa ġenerali straordinarja li se ssir wara s-Sajf.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Bank, Marcel Cassar innota li kif kien imbassar din is-sena bdiet b’mod straordinarju.
Huwa nnota wkoll l-isfidi internazzjonali li qegħdin iħallu effett fil-provvisti ta’ diversi komoditajiet.
It-tkabbir ekonomiku mbassar għall-ekonomija Maltija u t-tneħħija ta’ Malta mill-lista l-griża se jkomplu jgħinu fl-irkupru wara l-pandemija.