l-Kummissarju Ewropew Valdis Dombrovskis qal li ħafna banek żgħar fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea qed jilmentaw li l-ħtiġijiet ġodda imposti fuqhom qed jgħabbuhom b’piżijiet sproporzjonati.
Dombrovskis qal li beħsiebu jesplora metodi kif dawn il-ħtiġijiet ikunu simplifikati, speċjalment għall-iżgħar banek fl-UE, li d-daqs u l-attivita’ tagħhom huma limitati ħafna.
“Fl-istess waqt, huwa importanti li jkun żgurat li d-deposituri ikunu kunfidenti li l-bank tagħhom – żgħir jew kbir – ikun regolat u supervizjonat.” Qal il-Kummissarju Dombrovskis fil-Kumitat Ekonomiku u Monetarju tal-Parlament Ewropew (ECON) fi Strasburgu meta kien qed iwieġeb għal intervent tal-Ewroparlamentari Malti Alfred Sant dwar il-banek iż-żgħar li joperaw fl-Unjoni Ewropea.
Wara r-riżenja tal-Kummissarju Jonathan Hill b’riżultat tal-vot tal-BREXIT, l-ECON iltaqa’ ma’ Valdis Dombrovskis, Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea inkarigat mill-Ewro u d-djalogu soċjali b’rabta mat-trasferiment tal-portafoll tal-Istabbilita’ Finanzjarja, Servizzi Finanzjarji u Swieq Kapitali. Il-membri tal-ECON ressqu r-rimarki tagħhom għall-attenzjoni tal-Kummissjarju Dombrovskis.
Sant, membru tal-ECON, iffoka l-intervent tiegħu fuq l-ekonomiji żgħar tal-Unjoni Ewropea. Sant qal lil Dombrovskis li l-Għaqda Bankarja riesqa lejn il-fażi finali tagħha u hija waħda mill-aktar proġetti rilevanti għaż-żona tal-ewro.
L-Ewroparlamentari Malti staqsa lil Dombrovski għal analiżi tal-Għaqda Monetarja. “Kif qed tippjana li tiżgura li l-banek iż-żgħar fl-ekonomiji żgħar tal-UE, li diġa’ qed jiffaċċjaw sfidi speċifiċi, ma jżidux ir-riskji fis-servizzi finanzjarji fl-ekonomija nazzjonali tagħhom? U speċifikament meta jiġu biex jisilfu lill-intrapriżi żgħar u medji? Teoretikament, il-banek kollha għandhom jiġu ittrattati indaqs irrispettivament mid-daqs tsgħhom u m’għandhomx jitilfu l-kompetittivita’ tagħhom”, qal Sant lill-Kummissarju Dombrovskis.