L-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu u s-Soċjetà Mużikali San Ġużepp, bi qbil, għażlu li jikkontribwixxu parti ugwali mill-flus li s-soltu jonfqu fil-festa lid-Dar tal-Providenza, fis-Siġġiewi.
Minkejja li din is-sena kienet waħda iebsa ħafna mil-lat finanzjarju għaż-żewġ Soċjetajiet, kif kienet għall-Għaqdiet tal-Banda kollha, l-Għaqdiet iħossu li għandhom jagħmlu l-parti tagħhom propju f’jum il-festa ta’ San Gejtanu, il-qaddis tal-Providenza.
Iż-żewġ Għaqdiet jemmnu li l-isbaħ karità għandha ssir fis-silenzju, huma jħossu li b’dan il-ġest żgħir tagħhom kapaċi jħajru Għaqdiet Mużikali oħra li bħalhom kienu se jiċċelebraw il-festa tagħhom, anke jekkb’mod differenti mis-soltu. Dan għaliex kellhom jitħassru ċ-ċelebrazzjonijiet kollha marbutin mal-festa minħabba s-sitwazzjoni preżenti tal-imxija COVID-19.
Iż-żewġ għaqdiet mużikali Ħamruniżi ħeġġew lin-nies donazzjoni żgħira minn dak li kienu se jonfqu. L-istess għandhom jagħmlu għaqdiet oħrajn.
Fi stqarrija l-għaqdiet Mużikali Ħamruniżi rringrazzjaw lill-Ħamruniżi tal-appoġġ muri lilhom fl-aħħar jiem u awguraw il-festa t-tajba lil kulħadd.