B’investiment ta’ €1.2 miljun, tlesta xogħol ta’ rinnovar u ta’ tisbiħ fil-bandli fid-daħla ta’ ħdejn il-bieb tal-Imdina.
Il-bandli l-antiki nqalgħu u saru kompletament mill-ġdid. Il-post sar aktar sigur, attraenti, u fl-istess ħin jirrispetta aktar l-ambjent tal-madwar.
Dwar dawn ix-xogħlijiet, ONE News tkellem mal-perit responsabbli minn dan il-proġett, Nadia Curmi.
“Jiġifieri qlajna l-equipment kollu li kien hawn, inqalgħu r-railings, inbidel id-dawl, saret sodda ġdida ta’ konkos, saru travi mal-art biex l-istruttura tkun imsaħħa minħabba li qegħdin fuq parti mis-sur ukoll, saret sistema ta’ infrastruttura ġdida, jiġifieri għaddew dwal ġodda, sistema ta’ kameras, sistema ta’ WiFi points u charging points ukoll, kif qed taraw. Hawn bankijiet li tista’ tiċċarġja any device magħhom.”
Hija kompliet tispjega li dawn il-bandli fid-daħla tal-belt is-siekta jistgħu jintużaw mit-tfal kollha.
“Equipment ġdid li, ukoll, għandna equipment għat-tfal b’diżabilità. Insomma, l-inkluzjoni kollha qegħda hawnhekk. Hawn strutturi moderni li jagħtu lok ukoll fejn wieħed jista’ jintegra mal-kumplament tas-soċjetà.”
Il-bandli, li huma ffrekwentati minn bosta, huwa sikuri, hekk kif tpoġġew gradi u anki tapit ġdid tas-sigurtà.
F’nofs il-pavimentar ta’ dawn il-bandli barra l-Imdina, wieħed jista’ jinnota d-disinn tas-salib tat-tmien ponot tal-Kavallieri.
Ix-xogħlijiet f’dan il-bandli saru mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, fi ħdan il-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliku u l-Ippjanar.