Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi flimkien mas-Sindku tal-Birgu John Boxall inawguraw spazju miftuħ għar-rikreazzjoni tat-tfal magħruf bħala l-Bandli tal-Birgu.
L-Awtorità tal-Ippjanar, permezz tad-Development Planning Funds, tat għajnuna finanzjarja li tammonta għal kważi €120,000 sabiex isiru xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni f’dan il-bandli. Dan il-fond hu ta’ għajnuna kbira għall-kunsilli lokali biex iwettqu proġetti fil-komunitajiet.
Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi installa bandli u bankijiet ġodda, irranġa l-pavimentar biex l-ilma tax-xita ma jibqax jaqleb għal ġos-swar iżda joħrog għat-triq, irrestawrat l-ħajt u r-rixtellu ta’ barra u żied il-ħamrija fil-ħwat tas-siġar.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal li dan il-proġett huwa xhieda oħra tal-ħidma ta’ dan il-Gvern biex iż-żoni urbani jkomplu jiġu rinovati bi proġetti aktar sostenibbli u b’hekk in-nies igawdu minn kwalità ta’ ħajja aħjar. Filwaqt li rringrazzja lill-Kunsill Lokali tal-Birgu tal-ħidma kontinwa tiegħu, saħaq kif issa, il-komunità għandha spazju rikreattiv għall-familji u għat-tfal.
Min-naħa tiegħu, is-Sindku John Boxall wera l-apprezzament tiegħu lejn l- Awtorità tal-Ippjanar għal dan il-fond li hu ta’ għajnuna kbira għall-kunsilli lokali. Is-Sindku rringrazzja lill-ħaddiema tal-Kunsill Lokali u l-voluntiera li kienu ta’ għajnuna waqt ix-xogħlijiet ta’ dan il-proġett.