Il-Gvern se jkun qed jirriġenera l-bandli ta’ quddiem l-Imdina b’investiment ta’ miljun u mitejn elf ewro.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Proġetti Kapitali Ian Borg f’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ”Malta li rridu għal Uliedna.”
Il-Ministru Ian Borg spjega kif dan il-proġett huwa xhieda ta’ kif il-Gvern beda jimplimenta l-miżuri tal-Budget 2022, minn issa.
Fil-fatt, huwa spjega li fil-jiem li-ġejjin se jibda x-xogħol fuq dawn il-bandli sabiex tibqa’ tittejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ dawk kollha li jżuru dan il-post, speċjalment it-tfal.
Il-Ministru Borg stqarr: “Ix-xogħlijiet se jibdew immedjatament biex iva għaliex le ikollna playgrounds, playing fields, aħna bil-Malti ngħidulhom bandli għal uliedna u din hija l-Malta li rridu naraw għal uliedna li l-familja tiltaqa’ u li jkollhom l-ispazji li jixirqilhom ħalli jgawdu l-kwalità ta’ ħajja u ħin ta’ kwalità flimkien.”
Intant fl-indirizz tiegħu ġewwa l-istess bandli, il-Ministru Ian Borg ta rendikont tal-miżuri kollha li tħabbru fil-Budget u li jaqgħu fil-portafoll tal-Ministeru li jmexxi.
Fost oħrajn semma l-miżura ewlenija ta’ trasport pubbliku b’xejn għal kulħadd, immirata li tnaqqas il-konġestjoni tat-traffiku fit-toroq Maltin u Għawdxin filwaqt li żżomm il-flus fil-bwiet tan-nies.
Issemmew ukoll l-inċentivi li jimmotivaw il-qalba għall-vetturi elettriċi u plug-in hybrid. Hawnhekk aċċenna għall-għotja ta’ €12,000 lil dawk li jagħżlu jixtru vettura li taħdem bl-elettriku filwaqt li jiskrappjaw dik li tkun tniġġes. Il-Ministru spjega li anke min jagħżel ma jiskrappjax il-vettura l-antika xorta se jkun qed jingħata għotja ġeneruża biex jinvesti f’vettura elettrika. Huwa fakkar ukoll kif f’dan ir-rigward il-Gvern qed jara li jmexxi bl-eżempju anke billi jelettrifika l-flotta tiegħu.