Ġie inawgurat outdoor gym ġdid fi spazju rikreattiv fil-qalba tal-lokalità ta’ Ħal Lija.
Dan il-proġett ġie iffinanzjat minn fondi tad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali permezz tal-iskema ‘Finanzjament ta’ Proġetti Kapitali, Aċċessibbiltà, u Mobilità’.
Fl-istess spazju, bl-isem ta’ Ġnien Ċentru Rikreattiv, hemm ukoll bandli li għadhom kif tlestew fihom xogħlijiet ta’ tiġdid u twaħħal tagħmir ġdid sabiex it-tfal ikollhom post aktar modern u bla perikli fejn jilagħbu.
Dan il-proġett kien jinkludi t-tibdil tat-tagħmir tal-logħob tal-bandli flimkien ma’ pavimentar ġdid ta’ materjal apposta biex ikun konformi mal-istandards tas-saħħa u s-sigurtà ta’ dawk li jużawh.
Il-post sar akar sigur, attraenti ,u fl-istess ħin jirrispetta aktar l-ambjent tal-madwar.
Dan l-investiment sar permezz ta’ finanzjament mill-iskema ‘Finanzjament għall-Iżvilupp u Titjib fil-Kundizzjonijiet tal-Playingfields’.
L-investiment totali f’Ġnien Ċentru Rikreattiv jammonta għal ftit aktar minn €50,000.
Waqt li rringrazzja l-ħidma tal-Gvern, is-Sindku ta’ Ħal Lija, Anthony Dalli, qal li permezz ta’ fondi mogħtija mill-Gvern setgħet tkompli tissebbaħ il-lokalità ta’ Ħal Lija.
“Aħna dawn l-inizjattivi rriduhom, u iktar kemm joħorġu iktar nibqa’ napplika bħala kunsill lokali, għax ir-raħal jieħu atmosfera oħra. Kif għidt fid-diskors tiegħi, hawnhekk kemm l-anzjani u l-familji jistgħu jgawdu.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli qalet li dan il-Gvern kommess li jkompli jinvesti f’aktar spazji ħodor u ta’ rikreazzjoni fil-lokalitajiet Maltin u Għawdxin.
Is-Segretarju Parlamentari Civelli spjegat li permezz ta’ proġetti bħal dawn fil-qalba tal-lokalitajiet, il-kunsilli lokali qed jikkumplimentaw u jsostnu l-ħidma tal-Gvern favur spazji rikreattivi ħodor u ambjent aħjar.
“Qed naraw areas fil-lokalità viċin in-nies biex ikunu l-familji Maltin u Għawdxin li jgawdu minn spazji miftuħa, spazji aktar ħodor, sabiex iqattgħu flimkien ħin ta’ kwalità ta’ rikreazzjoni mal-familja tagħhom.”
Intant, il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija bbenefika minn skema oħra tal-Gvern li permezz tagħha, fil-ġimgħat li ġejjin, se jibda x-xogħol ta’ restawr fuq il-funtana li tinsab biswit dan l-ispazju.