Ħamsa u għoxrin fil-mija tal-cruiseliners li ġew ordnati biex jinbnew din is-sena diġà kkommettew ruħhom li jagħżlu lil Malta bħala waħda mill-ġurisdizzjonijiet tagħhom.
Ħabbar dan il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Ian Borg fejn qal li kwart ta’ dawn il-vapuri ser ikunu qed jirreġistraw taħt il-bandiera Maltija.
Dan hekk kif kulma jkompli jmur is-settur marittimu f’pajjiżna qed ikompli jiġbed lejh ismijiet kbar f’din l-industrija bis-saħħa tal-prominenza li ngħata.
Prominenza kkaratterizzata minn investimenti fl-Infrastruttura u edukazzjoni għal dawk kollha li jixtiequ jimirħu f’dan is-settur.
One News tkellem mal-Ċermen ta’ Transport Malta Joseph Bugeja fejn spjega li dan kollu qed juri l-prestiġju tal-bandiera Maltija. Prestiġju rikonoxxut ukoll mill-Isitut tal-liġi Marittima internazzjonali.
“Dan ikompli jsaħħaħ il-fatt li l-bandiera Maltija hija l-bandiera numru wieħed fl-Ewropa u l-bandiera numru sitta fid-dinja kif rajna wkoll rikonoxxuti wkoll fl-IMO li għadna kif issa attendejna u ġejna eletti fil-Kunsill tal-IMO fit-tieni post.”
Is-Sur Bugeja spjega wkoll kif il-wasla ta’ dawn il-vapuri f’pajjiżna mhux ser toħloq problemi ambjentali.
“Il-vantaġġ li hemm fil-vapuri li qegħdin jinbdew huwa li huma environmentally friendly operati minn kumpaniji tal-ogħla livell u li ħafna minnhom huma diġà membri taħt il-bandiera tagħna u dawn il-vapuri li qed jinbew jgħaddu wkoll Malta. Allura hemm aspett pożittiv għall-awtorita bħala bandiera u pożittiv ukoll li meta jiġu Malta dawn il-vapuri jniġġsu ħafna inqas.”
Huwa spjega wkoll kif Transport Malta qed tkompli taħdem sabiex tkabbar dan is-settur waqt li l-kisbiet li qed tagħmel jibqgħu sostenibbli.
“Ix-xogħol tagħna huwa li noħorġu mill-Uffiċċju nsiefru u nħajru u niltaqgħu ma’ ship owners, nipparteċipaw fieri internazzjonali fejn inkomplu nbiegħu s-serjeta tal-bandiera Maltija.”