Il-bandiera Maltija rreġistrat żieda rekord ta’ aktar minn wieħed u ħamsin fil-mija fir-reġistrazzjoni ta’ superyachts li huma akbar minn erbgħa u għoxrin metru.
Permezz ta’ hekk, Malta saret ġuriżdizzjoni tal-għażla u waħda mill-mexxejja f’dan is-settur, b’aktar minn elf u tletin superyacht irreġistrati.
Dan tħabbar mill-Ministru responsabbli mit-Trasport, Aaron Farrugia, waqt l-ewwel Malta Superyacht Symposium.
Il-Ministru Farrugia qal li l-Gvern se jaħdem biex jagħmel din l-industrija niċċa ekonomika b’saħħitha għal pajjiżna.
Il-Ministru nnota li din il-laqgħa saret hekk kif il-Gvern qed jaħdem flimkien mal-esperti fis-settur sabiex Malta jkollha l-ewwel politika nazzjonali għall-industrija tal-yachting.
Qal, “Imma wkoll proġetti ta’ infrastruttura li jikkumplimentaw fl-industrija marittima, superyachts, u yachting, jiġifieri illi l-Port il-Kbir jiġi rriġenerat f’ċentru ta’ eċċellenza marittima; imma wkoll il-fatt li se jkollna proġetti ta’ land reclamation illi se jiffukaw ukoll fuq is-settur marittimu.”
Il-Ministru Aaron Farrugia qal li r-reġistru tal-bastimenti ta’ pajjiżna kiber mhux biss fin-numru iżda wkoll fir-reputazzjoni. Dan kien ir-riżultat ta’ diversi inizjattivi u strateġiji favur din l-industrija.