It-Tnejn filgħodu, Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta żżewqet b’parata mill-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta, fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħelsien, li din is-sena ħabat f’Ħadd il-Għid, b’daqq ta’ kompożizzjonijiet lokali varji flimkien ma’ numru ta’ marċi.
Mill-10:30 beda l-programm segwit minn dawk kollha li nzertaw fuq il-post, inkluż għadd ta’ turisti, bil-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta, taħt it-tmexxija tal-Kaptan Jonathan Borg, tesegwixxi quddiem il-Palazz tal-Gran Mastru biċċiet mużikali fejn matulhom saru wkoll diversi formazzjonijiet mill-istess membri tagħha.
Lejn l-aħħar tal-parata, il-Banda esegwiet l-innu “Lil Malta f’Jum il-Ħelsien”, b’mużika tas-surmast Grieg Mikis Theodorakis, li baqa’ rinomat madwar id-dinja.