Bosta baned Maltin dan l-aħħar kellhom l-opportunità li jdoqqu barra l-pajjiż. L-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel Żabbar A.D. 1883 din is-sena qed timmarka l-ħdax-il safra li din il-Banda Żabbarija għamlet barra l-pajjiż. Wara li s-sena l-oħra l-Banda San Mikiel għamlet programm f’Valenzja fi Spanja, din is-sena l-Banda San Mikiel, f’għeluq il-135 sena mit-twaqqif tagħha bħala s-Societa’ Filarmonica del Zabbar, ġiet mistiedna biex iddoqq fil-festi kbar li jsiru ad unur l-Arkanġlu San Mikiel ġewwa Monte Sant’Angelo, Foggia fl-Italja.
Il-Banda San Mikiel, li hija l-unika banda fl-Ewropa taħt il-patronċinju ta’ dan l-Arkanġlu, diġà ħadet sehem f’festa ta’ San Mikiel fl-2005 f’Acriede. Din id-darba, il-Banda kellha l-unur li tkun parti minn waħda mill-ikbar festi devozzjonali fl-Italja.
Monte Sant’Angelo huwa raħal pittoresk, fil-qalba tal-Park Nazzjonali tal-Gargano u huwa ferm imfittex mit-turisti, hekk kif għandu żewġ siti li huma mniżżla fil-lista tal-World Heritage Sites. Dan il-post huwa ferm imfittex mill-pellegrini, minħabba l-fatt li f’Monte Sant’Angelo hemm is-Santwarju Bażilika ta’ San Mikiel, l-istess post fejn leġġenda tgħid li deher għal 3 darbiet. Infatti ssir purċissjoni bis-‘Sagra Spada’ u l-istatwa li hemm fil-grotta fejn, skont it-tradizzjoni, deher San Mikiel.
Il-mawra tal-Bandisti flimkien mal-partitarji bdiet il-Ġimgħa 28 ta’ Settembru fejn f’dan il-jum stess, is-Sindku ta’ Ħaż-Żabbar, is-Sur Marc Vella Bonnici, flimkien mal-President tal-Għaqda s-Sur Quinton Scerri ħadu sehem fil-korteo simboliku li jiġu offruti x-xemgħat tal-wegħdi lil San Mikiel Arkanġlu minn delegazzjonijiet u għaqdiet diversi. L-għada, il-Banda San Mikiel kellha l-ewwel żewġ servizzi. Fil-5:00pm il-Banda ħadet sehem fil-purċissjoni bid-daqq ta’ diversi marći. Il-purćissjoni kienet akkumpanjata b’numru ta’ fratellanzi differenti minn lokalitajiet differenti, l-Isqof tad-Djoċesi u numru ta’ tfal li kienu libsin ta’ anġli.
Għal din il-festa attendew eluf kbar ta’ nies, mhux biss minn Monte Sant’Angelo jew minn Foggia imma wkoll minn bnadi oħra tal-Italja u minn pajjiżi oħra, hekk li l-lukandi kienu kollha mimlijin!
Apparti l-attivitajiet reliġjużi, il-Kumitat tal-Festi Patronali, fi ħdan il-Kunsill Lokali ta’ Monte Sant’Angelo, jorganizza numru ta’ attivitajiet biex jikkumplimenta din il-festa.
Din l-attività għandha l-forma ta’ Notte Bianca, b’numru ta’ attivitajiet u kunċerti mar-raħal kollu. Il-Banda San Mikiel ġiet mistiedna biex tieħu sehem f’dawn l-attiviatjiet, hekk kif is-Sibt filgħaxija esegwixxiet Programm Mużikali b’diversi siltiet ta’ mużika differenti fuq l-istage ċentrali ta’ dawn l-attivitajiet. Fost il-mużika li ndaqqet kien hemm siltiet Maltin, siltiet Taljani, soundtracks, kif ukoll mużika pop. Il-Programm Mużikali għalaq bl-Innu Popolari tal-Għaqda, l-innu Malti u l-innu Taljan. Kien milqugħ ferm minn dawk preżenti fejn komplew ukoll mal-mużika b’diversi ćapćip u kant.
Il-Ħadd 30 ta’ Settembru, il-Banda San Mikiel kienet mistiedna biex terġa’ tieħu sehem f’għeluq dawn il-festi, billi ħadet sehem f’parata magħmula minn erba’ baned: il-Banda Citta’ di Monte Sant’Angelo, il-Banda Citta’ di Ordona, il-Banda San Severo Symphonic Band u l-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel Żabbar.
Spikkaw l-istandardi tal-Għaqda u ta’ Malta li mexxew il-Banda li daqqet marći Maltin. Il-parata għalqet bid-daqq tal-erba’ baned f’daqqa bid-daqq tar-Redetzky March u l-innu Taljan. Fl-aħħar, il-Kumitat tal-Għaqda tagħna flimkien mal-Kumitat li jieħu ħsieb il-Festi f’Monte Sant’ Angelo, għamlu skambju ta’ tifkiriet lil xulxin.
Bla dubju dan huwa suććess ieħor għal Malta kif ukoll għal din l-Għaqda, li se tkompli taħdem biex tkun ambaxxatrići tal-kultura u l-mużika Maltija, hekk kif is-sena d-dieħla l-Banda San Mikiel se tkun qed tagħmel servizzi mużikali ġewwa tliet pajjiżi differenti!